F’attività politika f’Birkirkara, l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li jrid pjazez mingħajr karozzi meta fil-Mosta għamel bil-kontra.
Dan għaliex minkejja d-dikjarazzjonijiet tiegħu, f’Lulju li għadda, l-Kunsill Nazzjonalista tal-Mosta kien għadda riżoluzzjoni biex żona pedonali fil-pjazza fi tmiem il-ġimgħa terġa’ tibda tinfetaħ għat-traffiku.
Ir-riżoluzzjoni tressqet wara li fil-leġiżlatura li għaddiet il-Kunsill Lokali dak iż-żmien mmexxi mill-Partit Laburista, flimkien mal-Gvern wettqu proġett massiċċ li rriġenera l-pjazza tal-Mosta biex din tkun aktar aċċessibbli filwaqt li parti minnha tkun tista’ tingħalaq biex titgawda mill-pubbliku mingħajr traffiku.
Iżda ftit tax-xhur wara dan kollu, l-Ħadd filgħodu Bernard Grech qal hekk.
Qal, “Iva allura hija xi skoperta li ċ-ċentri tal-lokalità iridu naraw li dawn ikunu qegħdin iservu lil-lokalità, l-ewwel u qabel kollox u mhux lil kull min ikun għaddej minn lokalitajiet oħrajn? Wara kollox il-Gvern kien qal, niftakar lil Robert Abela jgħid li jrid li ċ-ċentri tal-lokalità ikunu l-ewwel għar-residenti imbagħad għat-traffiku.”
Però fil-Mosta li kieku ma kienx għal azzjoni f’waqtha tal-Gvern permezz ta’ Transport Malta l-pjazza kienet se tibqa’ miftuħa għat-traffiku l-ħin kollu kif ried il-Kunsill Lokali mmexxi mill-Partit Nazzjonalista.
Din l-ipokrezija kienet innutata mill-Partit Laburista li permezz ta’ stqarrija qal kif il-Partit Nazzjonalista qiegħed jaħtaf kull okkażjoni biex imaqdar u jkisser il-pjan tal-Gvern.
“Wara pressjoni interna, f’diskussjoni sfurzata li organizzaw biex jiddiskutu dan is-settur u li suppost saret ġimgħa ilu, qalu ħafna kliem imma ma smajna xejn. Fi ftit kliem, iddeċidew li joqgħodu gallarija, jattakkaw lill-Gvern u ma jiddeċidux.” – żied jgħid il-Partit Laburista filwaqt li nnota kif il-pjan tal-Partit Nazzjonalista hu biss li ma jsir xejn mill-inqas għal ħmistax-il sena hekk kif qed jistaħbew wara l-alternattiva tat-trasport tal-massa u soluzzjoni fit-tul.
Imbagħad, f’Birkirkara Grech talab lin-nies biex minflok igergru jivvutawlu.
Qal, “Tafu x’għandkom tagħmlu ivvutaw għal Gvern Nazzjonalista għax issa mhux biżżejjed li tgergru.”