Rapport ippubblikat fl-ewwel faċċata tal-ħarġa tal-lum tal-gazzetta KullĦadd jispjega kif, skont sorsi fil-Partit Nazzjonalista, il-kap tal-partit Bernard Grech għażel li ma jgħidx il-verità kollha dwar id-djun tal-partit sabiex in-nuqqasijiet ma jiġux assoċjati mat-tmexxija tiegħu iżda mat-tliet snin kemm dam fil-kariga l-predeċessur tiegħu, Adrian Delia, qabel tqaċċat minn postu f’Ottubru tal-2020.
Jirriżulta li l-ġimgħa li għaddiet, il-Kap Bernard Grech ma kienx onest mal-Kunsill Ġenerali tal-partit tiegħu stess meta ħabbar iċ-ċifra ta’ €32 miljun dejn. Il-gazzetta KullĦadd irrappurtat li, meta indirizza lill-ogħla organu tal-partit tiegħu bħal-lum ġimgħa, Bernard Grech għażel li jħalli barra s-somma ta’ madwar €8 miljun oħra dejn taċ-ċedoli mill-iskema mnedija mill-predeċessur tiegħu Simon Busuttil fl-2017 u wkoll l-imgħax li l-partit irid iħallas fuq dik is-somma.
Wara d-dikjarazzjoni ta’ Bernard Grech dwar id-dejn tal-Partit Nazzjonalista, f’Tal-Pietà bdiet tiġri l-kelma li ċ-ċifra msemmija ta’ €32 miljun ma kinitx veritiera. Il-fazzjoni tal-eks kap Adrian Delia – speċjalment dawk li jappoġġjaw il-ħidma ta’ ġbir ta’ fondi li kien qed iwettaq il-Viċi Kap Robert Arrigo – irrimarkaw kif il-ftit titjib finanzjarju li kien beda jseħħ sa sentejn ilu sfaxxa fix-xejn minn mindu feġġ fix-xena Bernard Grech, il-magħżul tal-establishment.
Skont analisti finanzjarji, filwaqt li taħt Adrian Delia s-sitwazzjoni kienet bdiet ġejja għall-aħjar, tant li l-partit kienn irreġistra bilanċ pożittiv, issa li d-dejn hu d-doppju tal-valur tal-proprjetà li għandu, lanqas il-bejgħ tal-każini ma jidher li jista’ jkun biżżejjed biex il-Partit Nazzjonalista jiġi finanzjarjament vijabbli.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalu li, filwaqt li l-Kap tal-Partit ġimgħa ilu ried jagħti stampa tas-sitwazzjoni prekarja li jinsabu fiha bl-iskop li jnaffar kull kompetizzjoni fit-tellieqa għall-kariga ta’ Kap – xi ħaġa li rnexxielu jagħmel – żamm misturin miljuni oħrajn biex ma jikxifx il-fatt li fi żmienu l-problemi finanzjarji splodew.