F’diskors diviżiv f’Għawdex, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, attakka b’mod ripetut il-Prim Ministru filwaqt li għal darba oħra ffoka fuq l-inkjesta tal-Vitals.
Dan minbarra li sostna li l-istorja tal-konkos difettuż ta’ Mater Dei hija storja vvintata fost attakki fuq il-midja li rrappurtat id-dikajrazzjonijiet ta’ Grech li jgħid li l-konkos difettuż hu ħrafa.
“Li dik kienet storja vvintata minnhom.”
Dwar il-konkos difettuż ta’ Mater Dei, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali għamel numru ta studji fuq il-bini ta’ dak l-isptar u sab nuqqasijiet serji.
Barra minn hekk l-kumpanija internazzjonali Arup kienet għamlet stima li biex jissewwa kien se jiswa għexerien ta’ miljuni ta’ ewro.
Miljuni li tħallsu mit-taxxi tal-poplu għax Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien ta waiver lil Skanska, il-kumpanija li bniet l-isptar u li skanskat il-penali bl-Avukat tagħha kien Adrian Delia.
Intant Grech reġa’ attakka wkoll lill-Avukat Ġenerali u lill-Kummisarju tal-Pulizija u wissiehom li huma ma humiex ’l fuq mil-liġi.
“Lill-Kummissarju u lill-Avukat Ġenerali ħa nerġgħu nagħmlulkom it-twissija.”
Bernard Grech qal li fit-tmienja ta’ Ġunju l-poplu ser jerġa jagħti s-saħħa lill-Partit Nazzjonalista.
L-istess sostna David Casa li qal li l-partit ta’ Għawdex ser ikun il-Partit Nazzjonalista.
“Il-veru partit għal Għawdex ħa jerġa’ jkun il-Partit Nazzjonalista.”
Casa fakkar kemm fil-passat, meta kien hemm Giovanna Debono, Għawdex kien jagħti appoġġ lill-Partit Nazzjonalista.
Skont Casa, ser ikunu l-Għawdxin li se jagħtu t-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew lil Oppożizzjoni.
“Jiena kont niġi fl-ibliet u l-irħula ta’ Għawdex flimkien ma’ Giovanna Debono.”
“L-Għawdxin dawk li se jkunu jekk Alla jrid it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew.”
Fl-attività tkellmet ukoll Roberta Metsola li ftaħret bil-kariga tagħha li sostniet hija tajba għal Malta għax meta hija ssiefer ttajjar il-bandiera Maltija.
Anke Bernard Grech qagħad jiftaħar bil-kariga ta’ Metsola, filwaqt li l-kandidat Nazzjonalista Lee Bugeja Bartolo saħansitra qal li kburi li qed jaqsam il-podju magħha u sejħilha “the boss”.
Dan filwaqt li njora li jsemmi lill-Kap tiegħu Bernard Grech.
“Ħadd ħlief David Casa u the boss Roberta Metsola.”