Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ma kellux skuża differenti minn dik li uża s’issa, jiġifieri li l-affarijiet jieħdu ż-żmien dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet finanzjarji biex ma jibqax jikser il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti.
Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista baqa’ qatt ma ppreżenta l-kontijiet finanzjarji annwali tiegħu mindu Grech laħaq Kap tal-Partit Nazzjonalista f’Ottubru tal-2020.
Dan minbarra li qiegħed lura wkoll fil-preżentazzjoni tar-rapporti tad-donazzjonijiet li jirċievi fil-ġabriet li jagħmel u l-flus li jirċievi permezz tal-iskema sigrieta taċ-ĊedoliPN.
Mistoqsi dwar dan il-fatt, Grech qal li l-affarijiet jieħdu ż-żmien, minkejja li kien hu stess li mal-Kummissjoni Elettorali talab estensjoni u aktar żmien biex jissottometti l-kontijiet awditjati, imma anke dak iż-żmien qabeż u, aktar minn xahar wara, l-affarijiet għadhom fil-limbu.
Ġurnalist: “Tista’ tgħidilhom li l-kontijiet ikunu lesti fi ftit xhur, pereżempju.”
Grech: “Diġà għedtlek, l-affarijiet isiru bis-serjetà, jiġifieri jekk ikollhom bżonn iż-żmien, kif ovvjament ikollhom bżonn iż-żmien, jieħdu dak iż-żmien.”
L-iskuża li ma kellux awditur, Grech issa biddilha f’waħda li kellu bidla fl-awdituri, b’osservaturi jgħidu li l-Partit Nazzjonalista qajla sab nies lesti jiffirmawlu u jitfgħu isimhom fit-taħwid tal-finanzi li għandu l-partit.
“Kien hemm bidla fl-awdituri.”
Bernard Grech ġie mistoqsi wkoll dwar ir-riżenja tas-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino li, taħtu, il-Partit Nazzjonalista baqa’ qatt ma ppreżenta l-kontijiet finanzjarji tiegħu.
U Grech malajr rema lil Piccinino, għax qal li issa jrid xi ħadd li hu ġurdien xiħ.
“Eħe tajjeb li jkun persuna witty, ħa nuża dak l-aġġettiv.”
Dwar il-kariga ta’ Segretarju Ġenerali issa l-affarijiet huma aktar ċari u, kif kien żvela ONE News fl-aħħar jiem, kollox hu lest biex il-kariga jeħodha l-eks Deputat ta’ żmien GonziPN, Karl Gouder.
Grech ma kellux għażla għajr li joqgħod għal dik id-deċiżjoni mogħtija lilu minn nies bħal Claudio Grech, il-filjozz ta’ Austin Gatt u deputati bħal Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina.
Grech mhux lil Piccinino biss rema, iżda ġab mill-BirdLife lill-eks Kap tal-Aħbarijiet ta’ żmien Gonzi, Nathaniel Attard, u d-direttur li kellu, James Aaron Ellul, tefgħu librar fl-Istamperija.
Ġurnalist: “Neħħejtu lil James Aaron?”
Grech: Inti tifhem naħseb li dejjem ikun hemm żvilupp.”