Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech iddefenda l-waiver li kien ingħata lill-kumpanija ħabiba ta’ Adrian Delia u Lawrence Gonzi, Skanska, f’każ ta’ problemi li jimmaterjalizzaw fil-bini tal-isptar Mater Dei.
Bernard Grech għamel dan waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista quddiem l-isptar Mater Dei fejn ftaħar bil-ħidma ta’ Gvern Nazzjonalista qabel l-2013 fis-settur tas-saħħa però madankollu naqas milli jsemmi dan il-famuż waiver, li minħabba fih kellhom jintefqu l-flus tal-poplu biex jagħmlu tajjeb għalih.
Affaċċjat b’mistoqsija minn ONE News dwar dan, Bernard Grech ma’ għamel xejn ħlief xeħet dubju fuq is-sewwa magħruf. Dan minkejja li rapport mill-Awditur Ġenerali stess f’Mejju tal-2018 kien ikkundanna dan il-waiver.
Hawn Bernard Grech wieġeb “F’dan il-każ iwaħħlu f’dak li qed isejħulu waiver li qed jgħidu li kien ingħata.” Huwa żied jgħid “Gvern Laburista meta tela’ fl-2013 kien tkellem dwar dak li kienu qalu li kien konkrit difettuż”
Skanska fi Frar tal-2009, kienet iffirmat ftehim mal-Gvern ta’ Lawrence Gonzi fejn fih l-istess Gvern ċeda d-dritt li jfittex lil Skanska f’każ li joħorġu xi difetti fil-proġett f’tal-Qroqq, li kien taħt ir-responsabilità tagħha.
Fl-elfejn u erbatax ġie skopert il-konkos difettuż f’Mater Dei fi żmien meta l-Gvern kien beda bi pjanijiet sabiex jibni żewġ sulari fuq l-emerġenza sabiex jiżdiedu s-sodod fl-isptar.
Dak iż-żmien analiżi tal-binja mill-kumpanija internazzjonali Arup kienet iwriet li l-konkrit fil-binja tal-emerġenza ma kienx b’saħħtu biżżejjed biex jiflaħ iż-żewġ sulari.
Riżultat ta’ dan ġiet stmata l-ispiża ta’ 150 miljun ewro mit-taxxi tal-poplu biex dan il-konkos jittranġa.
Intant, Avukat li għal snin twal kien konsultent tal-kumpanija Żvediża kien propju dak li l-Ħamis filgħodu kien biswit Bernard Grech, Adrian Delia.
Fil-fatt, fil-bijografija onlajn tiegħu Delia kien ftaħar li għal snin twal kien konsulent tal-kumpanija.
Madankollu, l-Kap Nazzjonalista spiċċa jiddefendi anki din il-kwistjoni.
Hawn Grech qal “Ejjew nirrispettaw dak ix-xogħol, ejjew nirrispettaw dik il-professjoni. Ejjew nirripettaw ir-relazzjoni bejn il-klijent u l-professjonist. Bejn il-ħaddiem u min jinqeda b’dak is-servizz.”