Il-Partit Nazzjonalista baqa’ fommu sieket fuq id-deċiżjoni tal-Kumitat Etika u Dixxiplina tal-partit dwar is-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami.
Dan bil-għan li ma jiġix imbarazzat il-Kap Bernard Grech, li f’Diċembru li għadda kien talab lil Muscat Fenech Adami biex tirriżenja minn Sindku wara kwistjoni fuq allegat kunflitt ta’ interess dwar proġett fin-Naxxar.
Muscat Fenech Adami kienet sfidat u rrifjutat li tirriżenja.
Dan filwaqt li akkużat lil Bernard Grech b’logħob partiġġjan mhux ibbażat fuq il-fatti.
Il-Ħadd il-gazzetta Maltatoday irrappurtat li l-Kumitat intern tal-Partit Nazzjonalista ma sab l-ebda ħtija f’Muscat Fenech Adami iżda din id-deċiżjoni nżammet mistura.
Dan biex ma jaqax għaċ-ċajt il-Kap Bernard Grech u li anki meta dan l-aħħar kien fuq ix-xandir nazzjonali u mistoqsi dwar is-Sindku Naxxarija, Grech kien evażiv biex ma jimbarazzax ruħu.
Id-deċiżjoni dwar is-Sindku tan-Naxxar ilha li ttieħdet u hu mifhum li waqt il-kampanja elettorali, il-Kumitat tal-Etika u d-Dixxiplina kien diġà eżonora lil Muscat Fenech Adami.
Dak iż-żmien Bernard Grech kien ingħata struzzjonijiet li fuq Muscat Fenech Adami jżomm il-pożizzjoni li kellu, dik li kellha tirriżenja.
Il-kwistjoni tas-Sindku tan-Naxxar, Anne Marie Muscat Fenech Adami kienet tmur ferm lil hinn minn proġett fil-lokalità.
Fil-fatt kien hemm min hu tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, li poġġiet lil Bernard Grech Kap, li kien għorok idejh għal dak li għamel Grech ma’ Muscat Fenech Adami.