Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kompla joħroġ fil-beraħ il-manuvri li qed jagħmel biex jibża’ għal postu.
Wara stejjer fil-midja indipendenti jiżvelaw intriċċi li għaddejjin biex wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju jkun hemm min jipponta għal post il-Kap, Bernard Grech qal li hu se jibqa’ hemm.
ANDREW AZZOPARDI: “Inti tara l-pożizzjoni tiegħek fiex tkun wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew?”
BERNARD GRECH: “F’liema sens?”
ANDREW AZZOPARDI: “M’għandekx ħsieb li you hang your gloves wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew?”
BERNARD GRECH: “Jiġifieri inti qed tgħidli li qisni qed mmur logħba football u qed naħseb fir-riżultat.”
Fl-istess programm qal li Metsola għandha ċ-ċans tibqa’ Brussell.
Dikjarazzjoni li l-ħsieb warajha hu li Grech iżomm lil Metsola ’l bogħod biex jibża’ għal postu.
Qal, “Roberta Metsola għanda ċans kbir ħafna li tkompli fil-pożizzjoni li qiegħda.”
Din il-ġimgħa Bernard Grech flimkien ma’ Metsola, Simon Busuttil u Beppe Fenech Adami fost oħrajn kien f’Bucharest għall-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew fejn Ursula von der Leyen ħadet in-nomina biex tkun hi l-kandidat tal-Popolari Ewropej għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea.
Att li ta’ Metsola ma ħadu gost xejn għax xtaqu li tkun hi flok von der Leyen.
Fl-istess waqt dawk li jmexxu lil Kap Bernard Grech ħadu gost b’dan l-iżvilupp iżda issa qed jimbuttaw biex Metsola żżomm postha fil-Parlament Ewropew.
Dan apparti li fil-midja feġġew dettalji ġodda fejn Alex Borg u Darren Carabott qed jissemmew biex jisfidaw lil Kap.
Borg għandu warajh lill-eks Kap Adrian Delia waqt li Darren Carabott hemm warajh Claudio Grech, il-filjozz ta’ Austin Gatt.