Waqt intervista fil-podcast ta’ Karl Bonaci fuq l-istazzjon FLiving, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li mhux veru li l-Partit Nazzjonalista ħadem kemm felaħ kontra jew, imbagħad, feraħ meta l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat is-sentenza tagħha dwar il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment li ilu jħaddan pajjiżna fl-aħħar snin.
“Mhu veru xejn li aħna nieħdu gost li jiġru dawn l-affarijiet.”
BERNARD GRECHREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Ta’ min ifakkar kif, mill-ewwel ġurnata tiegħu, dan il-programm sab l-esponenti kollha tal-Partit Nazzjonalista jaħdmu kontrih, waqt li ħarġu minn triqithom biex jagħmlu ħsara massima lill-pajjiż, b’mod partikolari fuq livell Ewropew.
Minbarra li ma tilfux l-okkażjoni biex ixewxu, inkluż fil-Parlament Ewropew, dakinhar tas-sentenza, Jason Azzopardi ħareġ jiġri fuq Facebook jikteb u jiftaħar kif hu, flimkien mal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, l-Ewroparlamentari David Casa, id-Deputat Karol Aquilina u l-għaqda Repubblika, ingħataw raġun.
Casa wkoll kiteb mill-ewwel jiftaħar li kellu raġun, waqt li semma miegħu wkoll lil Roberta Metsola. Fil-fatt, b’kitba bl-Ingliż, il-President tal-Parlament Ewropew lanqas stħat toħroġ tilqa’ s-sentenza tal-Qorti Ewropea fil-konfront ta’ Malta. Fi kliemha, ġie deċiż dak li kienet ilha taf.
Iżda għal Bernard Grech dak mhux ferħ u ħidma kontra Malta mill-esponenti tiegħu.
Preżentatur: “Ippuxjajtu (kontra), bħala PN?”
Grech: “U żgur li le”.
Preżentatur: “Għamilha ċara din”.
Grech: “U żgur li le u żgur li le”
L-istess programm, li ħadmu kontrih tal-Partit Nazzjonalista, iġġenera miljuni kbar ta’ flus għall-pajjiż, li eventwalment marru biex jiġu mgħejjuna ħafna u ħafna nies.
Fil-fatt, dawn il-flejjes intużaw, fost oħrajn, għal proġetti soċjali u għajnuniet waqt il-pandemija tal-COVID-19, xiri ta’ apparat mediku, li jintuża fl-isptarijiet lokali, appoġġ lill-atleti Maltin u anke sostenn qawwi lil għaqdiet volontarji, bħal Puttinu Cares u Hospice Malta.
Il-preżentatur Karl Bonaci anke staqsa lil Grech dwar dikjarazzjoni li għamel id-Deputat Alex Borg fuq dan, fejn ikkontradixxa l-pożizzjoni tal-estremisti Nazzjonalisti.
Bir-ragħwa f’ħalqu, Bernard Grech rema mit-tieqa dak li qal Borg u wissih li hu l-Kap.
Preżentatur: “Il-Grupp Parlamentari kellkom qbil fuqu (l-programm ta’ ċittadinanza)? Għax kelli miegħi lil Alex Borg, li tenna li din hija skema tajba.”
Bernard Grech: “Ħa nagħmilha ċara, Karl, il-pożizzjonijiet tal-PN ma joħroġhomx individwu wieħed jew deputat wieħed u joħroġhom il-partit.”
Tali dikjarazzjoni minn Grech kompliet toħroġ, bl-aktar mod ċar, il-qasma li hemm bejn il-fazzjonijiet fl-Istamperija f’Tal-Pietà, anke jekk, fl-istess nifs, iddikjara li hu għandu partit magħqud.
“Jidher ċar li l-istabbiltà u l-għaqda li seħħet minn kemm ili Kap jien, bil-ħila ta’ kulħadd mhux nieħu mertu li kont jien, għax ma nżilt mill-ebda sema, jien għandi l-karattru li għandi u vera nressaq lin-nies lejn xulxin.”
BERNARD GRECH