F’attività politika f’Birkirkara, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, qal li hu jagħti politika trasparenti.
Din id-dikjarazzjoni għamilha ftit sigħat wara li żewġ gazzetti tal-Ħadd, it-Times of Malta u l-Illum, żvelaw li l-Partit Nazzjonalista ma ressaqx l-‘accounts’ tiegħu u l-lista tad-donazzjonijiet kif suppost jagħmel bil-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Dan għal sentejn sħaħ tat-tmexxija tiegħu.
Il-Kap Nazzjonalista qal dan quddiem il-partitarji tiegħu f’dikjarazzjoni li stonat mal-aġir tiegħu u tal-partit li jmexxi.
Qal “Aħna ntuk trasparenza u mhux gideb”
Għal darba oħra tkellem kontra bidliet importanti, fost oħrajn kontra politika li tinċentiva r-riċiklaġġ tal-iskart bil-għan li l-pajjiż ma jibqax ikollu bżonn iktar miżbliet. Filwaqt li sejjaħ bħala skużi d-dikjarazzjonijiet li jsiru, li l-isfida tal-inflazzjoni madwar id-dinja hija minħabba l-effetti tal-pandemija u l-gwerer li feġġew wara.
Fuq kollox, qal Bernard Grech, il-pajjiż ma jinkwetax biss kull meta jkun immexxi minn Prim Ministri Nazzjonalisti, bħal Lawrence Gonzi.
“Ma kellniex għalfejn ninkwetaw. Ma kellniex għalfejn nitħasbu. Għax imexxu l-pajjiż kien hemm Prim Ministri Nazzjonalisti serħulna rasna,” qal Bernard Grech li tkellem dwar Gvern Nazzjonalista mmexxi minnu.