Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech sostna li huwa kburi bl-aġir tiegħu u tal-bqija tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista l-ġimgħa li għaddiet, meta instigaw il-ġlied u l-konfrontazzjoni f’seduta Parlamentari – attitudni perikoluża li wasslet biex anki partitarji Nazzjonalisti li ssejħu barra l-Parlament jkunu ostili.
Għal mistoqsijiet ta’ ONE News f’konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa waranofsinhar, Bernard Grech ried jitkellem fuq kollox u fuq kulħadd, iżda mhux fuq l-aġir tiegħu stess.
Meta mistoqsi b’mod dirett dwar jekk kienx kuntent bl-imġiba tiegħu, Grech mhux talli ma talabx skuża, talli qal li huwa kburi b’dak li għamel.
“Jiena mhux biss kburi.”
Grech saħansitra kompla jikkonferma dak li sostna l-Partit Laburista, jiġifieri li sfida u instiga l-inkwiet, fil-Parlament u barra minnu.
“Jiena fil-Parlament kont qiegħed nisfida.”
L-aġir tal-Oppożizzjoni waqt is-seduta Parlamentari tal-Ħamis li għadda kien wieħed ostili, b’ritratti ppubblikati mill-gazzetta KullĦadd juru diversi deputati Nazzjonalisti jqumu mill-bankijiet tagħhom u jisfidaw għall-ġlied.
Fir-ritratti li ġew żvelati saħansitra jidher il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, li wkoll jidher jaġixxi b’mod konfrontattiv imdawwar b’oħrajn li għamlu bħalu.
Ftit tal-ħin wara, imbagħad, telqu ’l barra mis-seduta Parlamentari u komplew isaħħnu l-irjus barra mill-Parlament.
Fil-fatt, barra l-Parlament, il-Kap Nazzjonalista beda jinstiga lill-partitarji Nazzjonalisti u lil dawk li kienu preżenti b’kummenti bħal “Qumu minn hemm.”
B’riżultat ta’ dan l-aġir, ġurnalisti ta’ dan l-istazzjon ġew mgħajjra u attakkati mill-partitarji preżenti. Saħansitra persuna fost dawk preżenti beżqet lill-ġurnalisti ta’ dan l-istazzjon.