Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal dan barra l-Parlament waqt li kien qed iwieġeb mistoqsijiet minn dan l-istazzjon dwar il-fatt li, kemm ilu Kap hu, kważi erba’ snin, il-Partit Nazzjonalista baqa’ ma ppubblika l-ebda wieħed mill-kontijiet finanzjarji awditjati u rapporti ta’ donazzjonijiet, kif obbligat bil-liġi.
Dan anke minkejja ħames ittri ta’ twissija li l-Partit Nazzjonalista rċieva mingħand il-Kummissjoni Elettorali, li lilha hu obbligat biex jissottometti tali rapporti.
Hekk kif anke l-gazzetti fi tmiem il-ġimgħa nnotaw li l-Partit Nazzjonalista mhux isib awdituri biex jiffirmawlu l-kontijiet minħabba t-taħwid li jinvolvu, ONE News staqsa lill-Kap proprju dwar dan.
Ġurnalist – “Għaliex mhux jiffirmawhomlok l-awdituri?”
Bernard Grech – “Qed tgħid ereżijiet kbar.”
Grech iddeskriva dawn ir-rapporti bħala “ereżijiet kbar”, minkejja l-fatt li kien hu stess li ammetta li mhuwiex isib awdituri f’dan ir-rigward waqt intervista li saritlu s-Sibt.
“Ikun hemm kultant kumplikazzjonijiet, ħafna drabi jkunu ħmerija, ikollok bżonn awditur u ma ssibx awditur mill-ewwel u allura ċerti commitments ma tagħmilhomx fil-ħin.”
B’rabta ma’ dan, nhar il-Ħadd, l-editur tal-gazzetta it-Torċa staqsa x’saltna tad-dritt jemmen biha l-Partit Nazzjonalista.
Dan minbarra li rrimarka li bid-dikjarazzjonijiet tal-Kap innifsu s-Sibt, qed jikbru l-mistoqsijiet fuq il-vera raġuni, għax mhux isib awdituri li lesti jaħdmu ft-taħwida manja li hemm fil-finanzi tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt, komplejna nistaqsu lill-Kap dwar dan, madankollu bqajna mingħajr risposta.
Bernard Grech – “Qed tgħid ereżijiet kbar u diġà weġibtek.”
Ġurnalist – “Mela għaliex ma tippubblikahomx?”
Bernard Grech – “Insellimlek.”