Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech infexx jattakka lill-Gvern u lill-Avukat tal-Istat wara li tilef kawża, li fiha ried iġiegħel lill-Avukat tal-Istat ifittex personalment lill-Prim Ministru Robert Abela u lil Chris Fearne b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet.
Grech qal li se jibqa’ jagħmel il-pressjoni anki jekk is-sentenza tal-Imħallef Toni Abela kienet ċara u kwotat l-Imħallef Emeritu Anthony Borg Barthet dwar is-setgħat tal-Avukat tal-Istat u li dan ma jistax jingħata funzjonijiet li jmorru kontra d-demokrazija.
Funzjonijiet li l-Oppożizzjoni riedet tagħti iżda ġew miċħuda fi żmien li l-Gvern permezz tat-tim legali kemm lokali u internazzjonali qed ifittex lil Steward Healthcare quddiem l-Arbitraġġ Internazzjonali biex kull ċenteżmu dovut lill-poplu Malti mill-ftehim tal-isptarijiet, jiġi ritornat.
Barra l-Qorti, bl-avukat tiegħu, Edward Debono warajh, Bernard Grech qal li se jistudja s-sentenza tal-kawża li tilef hu u Adrian Delia u jara x’passi oħra se jieħu.