Fi stqarrija, il-Partit laburista qal li meta kulħadd kien ħaseb li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista ma tistax tmur iktar għall-agħar, tfaċċa Bernard Grech.
F’mument ta’ kriżi għalih personali, biex isalva postu, illejla Bernard Grech reġa’ nfexx f’attakk fuq l-istituzzjonijiet li jemmen li ma jdoqqux id-diska tiegħu. Mill-Kummissarju għall-Istandards, għall-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u iktar. Għax għalih, l-istituzzjonijiet qegħdin hemm biex jaqdu lilu, forsi jżomm postu fit-tmexxija tal-Partit.
Biex jagħmel dan Bernard Grech reġa’ rrepeta żewġ gidbiet.
L-ewwel. Li ntefqu xi erba miljun ewro li tagħhom il-pajjiż ma ħa xejn, u tieni li l-Gvern mhu jieħu ebda azzjoni, dan meta kulħadd jaf li hemm arbitraġġ internazzjonali u l-Gvern diġà għamel każ kontra Steward.
“Min hu tant partiġjan, tant li anke bbojkotja ftehim nazzjonali dwar il-paga minima, ma jafx aħjar milli jitgħajjar, jhedded u jigdeb. Dak hu Bernard Grech.” temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.