Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ħarab, meta mistoqsi minn ONE News, dwar sitt deputati li għandu attwalment fil-Grupp Parlamentari tiegħu u li lura għall-2009 kienu injoraw rakkomandazzjonijiet tal-Qorti biex f’Malta jidħol fis-seħħ il-liċenzjar tal-kuntratturi.
Ċertifikazzjoni tal-kuntratturi, li ddaħħlet mill-Gvern attwali fl-aħħar xhur, illum tesiġi li kull min irid jagħmel xogħol ta’ skavar, twaqqigħ u tħaffir, l-ewwel irid ikollu liċenzja biex jaħdem ta’ kuntrattur.
Ir-rakkomandazzjonijiet, li kienet ħarġet minn sentenza tal-Qorti 15-il sena ilu, kienu r-riżultat wara li binja, li ġġarrfet f’San Pawl il-Baħar waqt xogħol ta’ kostruzzjoni, ħasdet il-ħajja ta’ żewġ nisa – l-għalliema tal-Maltin ta’ sittin sena Maria Dolores Zarb u l-istudenta Russa ta’ erbgħa u għoxrin sena Nadezda Vavilova.
Quddiem dawn ir-rakkomandazzjonijiet, Gvern Nazzjonalista tal-2009, immexxi minn Lawrence Gonzi, kien injora dan għal kollox.
Id-Deputati Carmelo Mifsud Bonnici, Mario de Marco, Chris Said, David Agius, Stephen Spiteri u Beppe Fenech Adami llum għadhom jagħmlu parti mill-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni u, wieħed minnhom, il-Kap saħansitra se joħorġu bħala kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fit-8 ta’ Ġunju li ġej.
Mistoqsi hux se jitlobhom jerfgħu r-responsabbiltà politika, Bernard Grech ħarab kompletament.
ĠURNALIST: “Fl-2009, fi żmien Gvern Nazzjonalista, sentenza tal-Qorti tkellmet ċar b’rabta ma’ waqgħa ta’ binja, li kienet seħħet f’San Pawl il-Baħar. Hemmhekk kienu mietu żewġ nisa. Hemmhekk il-Qorti kienet qalet f’paġna 80 li għandha ssir il-liċenzjar tal-kuntratturi, iżda din baqgħet ma saritx minn Gvern Nazzjonalista. Id-deputati tal-Gvern ta’ dak iż-żmien, li għadhom deputati miegħek sal-lum il-ġurnata, se titlob għar-responsabilità politika dwar dan?”
BERNARD GRECH: “Qed tikkonfermali li Gvern Laburista mill-2013 sal-2022 ….”
ĠURNALIST: “Fi żmien Gvern Nazzjonalista qed ngħidlek.”
Ipprovajna nerġgħu nistaqsu lil Grech, wara li kien evidenti li mhux komdu jwieġeb, speċjalment anke bi tnejn mid-deputati msemmija warajh.
Pront reġa’ ħarab.
ĠURNALIST: “Dr Grech semmejtlek l-2009, fi żmien Gvern Nazzjonalista, għaliex mhux se terfa’ r-responsabbiltà politika.”
BERNARD GRECH: “Weġibtek.”
ĠURNALIST: “Ma weġibtniex, ma weġibtniex. Fi żmien Gvern Nazzjonalista, għandek sitt deputati li huma miegħek, mhux se ġġorr ir-responsabilità politika?”
BERNARD GRECH: “Nifhem li r-risposta m’għoġbitekx, però weġibtek.”
Intant, il-Partit Laburista wkoll innota kif il-maskra ta’ Bernard Grech reġgħet qed taqa’.
Dan għax il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jgħidx li hemm bidliet importanti li qed isiru llum u li kienu proposti injorati minn deputati tiegħu li kienu parti mill-aħħar Gvern Nazzjonalista u hu dan il-Gvern li qed iwettaq il-bidliet meħtieġa.
“Għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista l-inkjesta pubblika hi sors ta’ gimmicks politiċi”, irrimarka l-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista żied jgħid li, min-naħa l-oħra, għal dan il-Gvern, l-inkjesta pubblika hi għodda oħra biex ikompli r-riformi fis-settur tal-kostruzzjoni.
Dan hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar ħames inizjattivi mmedjati u wera rieda ta’ Gvern li jimplimenta ir-rakkomandazzjonijiet, fejn, mal-mument li ġiet ippubblikata l-inkjesta, beda jispjega fid-dettall ir-riformi meħtieġa u kif se jsiru, inkluż bi spjega ċara fil-Parlament.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni mhedi jagħmel gimmicks politiċi barra l-Parlament fejn fuq il-midja tiegħu l-ewwel qal li se jlaqqa’ Grupp Parlamentari b’urġenza, biex ftit minuti wara ħareġ quddiem il-Parlament jgħid b’mozzjoni biex jisfiduċja tliet Ministri.
“Bernard Grech jinteressah mill-gimmicks politiċi u mhux mir-riformi fis-settur”, innota l-Partit Laburista.