L-Uffiċċju tal-Prim Ministru saħaq li l-Kap tal-Oppożizzjoni jaf li mhux jgħid is-sewwa meta stqarr li l-Gvern m’għamel xejn fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dan intqal wara li Bernard Grech għamel konferenza tal-aħbarijiet fuq is-suġġett.
Il-Gvern saħaq li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kkonsulta kemm felaħ mal-entitajiet involuti, fosthom akkademiċi u ġurnalisti, kif ukoll istituzzjonijiet internazzjonali, biex ikun f’pożizzjoni li jaħtar kumitat ta’ esperti kif suġġerit mill-inkjesta pubblika nnifisha, kumitat li anke dwar il-membri tiegħu saret konsultazzjoni wiesgħa.
“M’hemmx dubju li l-Kap tal-Oppożizzjoni jaf sew b’uħud minn dawn il-konsultazzjonijiet”, saħaq l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Il-Gvern qal li f’uħud mil-laqgħat imsemmija ġew preżentati wkoll numru ta’ abbozzi ta’ liġijiet maħsuba biex jipproteġu l-ġurnalisti fuq quddiem nett.
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru saħaq li jibqa’ determinat li frott il-konsultazzjoni, issa jħabbar il-passi li jmiss fil-ġranet li ġejjin kif miftiehem fil-konsultazzjoni.