L-Oppożizzjoni baqgħet ma ġabet l-ebda argument biex tissostanzja l-vot tagħha kontra n-nomina tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi għall-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Jumejn wara l-ewwel vot fil-Parlament dwar in-nomina tal-Gvern għal Kummissarju għall-Istandards, fi tweġibiet lill-ġurnalisti f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Kap tal-Oppożizzjoni rtira minn ftehim issiġillat li kellhom iż-żewġ naħat dwar il-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards u Ombudsman.
Dr Abela qal li Bernard Grech irtira mill-ftehim meta ġie mġiegħel jagħmel dan mill-establishment fil-Partit Nazzjonalista għaliex is-siġġu tiegħu kien perikolat.
Fil-jiem li ġejjin se jittieħed it-tieni vot dwar in-nomina tal-Gvern u jekk ikun hemm il-ħtieġa, it-tielet vot jgħaddi b’maġġoranza sempliċi wara mekkaniżmu ta’ żblokk li daħħal il-Gvern minħabba attitudni kapriċċjuża tal-Kap tal-Oppożizzjoni.