Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech mar fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar biex iħabbar li l-Partit Nazzjonalista rebaħ Birkirkara waqt l-għadd tal-voti fl-elezzjoni tal-Kunsill Lokali iżda meta sar magħruf li f’Birkirkara kemm il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista kisbu sitt siġġijiet kull wieħed u kandidat indipendenti ħa s-siġġu l-ieħor, Grech kien kostrett li jirtira kollox u jitlaq minnufih mis-sala tal-għadd tal-voti.
Tant kien ċert li rebaħ Birkirkara, li Grech kien diġà qal lill-partitarji tiegħu li Desirei Grech hija s-Sindku Nazzjonalista.
F’din l-elezzjoni l-ewwel indikazzjonijiet juru li l-kandidata Laburista Yana Borg Debono Grech kisbet l-akbar ammont ta’ voti mill-kandidati kollha.
ONE News għandu wkoll informazzjoni li sorsi qrib il-Kummissjoni Elettorali kkundannaw l-aġir irresponsabbli tal-Kap tal-Oppożizzjoni li beda jxerred riżultati mhux definittivi.
Fit-tieni jum tal-għadd tal-voti, meta Grech mar in-Naxxar, il-Partit Laburista għandu maġġoranza b’saħħitha ta’ madwar 13%, b’distakk li bħalissa jaqra madwar 23,000 vot.