Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit Laburista ma kellux raġun għall-kritika lejn il-proġett ta’ Mater Dei, li minħabba fih kellu jħallas il-poplu kawża tal-konkos difettuż li nbena bih.
Bernard Grech qal dan waqt attività politika tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex hekk kif xejjen il-fatt li Gvern Nazzjonalista taħt Lawrence Gonzi esonera lill-kumpanija Skanska, li kienet responsabbli mill-bini tal-isptar, milli tħallas għax-xogħol difettuż tagħha stess, b’riżultat li l-poplu Malti kellu jħallas miljuni kbar ta’ flus.
“Irid imur lura ħafna fl-istorja biex forsi jsib xi ħaġa, xorta ma kellux raġun.”
Intant, id-diskors tal-Kap Nazzjonalista kompla jikkonferma l-politika ankrata mal-passat tal-istess Partit.
Dan hekk kif Grech sellem lill-eks Ministru Giovanna Debono.
“U lill-għażiża, kbira, Giovanna Debono.”
Sadanittant, id-diskors mimli għajjat u b’tgħajjir personali min naħa tal-Kap ma’ naqasx. Saħansitra kompla bl-attakki tiegħu fil-konfront tal-Prim Ministru Robert Abela biex b’hekk kompla jikkonferma l-politika ta’ firda li jħaddan.
“U kif tindunaw li huwa mħawwad? Allaħares kellu jsuq fit-triq.”
L-isteriżmu wkoll ma naqasx hekk kif Grech baqa’ ma tgħallimx mill-instigazzjoni li qajjem barra l-Parlament ftit tal-jiem ilu.
“Li ħadnilhom l-isptar aħna.”
Miegħu kompla wkoll Adrian Delia, hekk kif kompla jinstiga l-folla b’mod simili għall-aħħar tal-Kap, dakinhar li ġurnalisti ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet ġew attakati, mgħajra u mhedda barra l-Parlament waqt protesta tal-Partit Nazzjonalista.
“Qumu minn hemm!”
Intant, Bernard Grech kompla jipprova jagħmel minn kollox biex jintgħoġob ma’ dawk li kien hemm quddiemu.
“Għax qiegħed Għawdex!
Kull meta niġi hawn jixgħel wiċċi, hekk tgħidli l-mara.”