Waqt li stħarriġ ieħor reġa’ kkonferma li ta’ kull sena jkun hemm aktar Maltin li jagħżlu li jirritornaw f’pajjiżhom, wara esperjenza barra, milli dawk li jitilqu minn hawn lejn pajjiż ieħor, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kompla jinqabad iħawwad fir-retorika tiegħu f’dan ir-rigward.
Stħarriġ ta’ ditta privata li, fl-aħħar xhur, wera kif iż-żgħażagħ Maltin ikollhom ix-xewqa li jfittxu esperjenza barra, spiċċa tema ewlenija tal-Partit Nazzjonalista li kontinwament ipprova jibni kampanji qarrieqa u twerwir dwar kif, skontu, ħadd ma jrid jibqa’ jgħix f’Malta.
L-istess kantaliena l-Kap Nazzjonalista kompla jużaha anke fl-aħħar intervent politiku tiegħu l-Ħadd fuq l-istazzjon tiegħu stess.
L-intervent tiegħu stona hekk kif fl-istess jum Fact Checker tat-Times of Malta kompla jitfa’ iżjed dawl fuq dan.
Jirriżulta li, filwaqt li huma ħafna Maltin li jfittxu esperjenza barra, eventwalment ħafna jagħżlu li jiġu lura f’pajjiżhom. Dan wara li jkunu daqu l-ħajja f’pajjiż ieħor jew kisbu l-esperjenza li xtaqu fi studju jew xogħol.
Jirriżulta li fis-sena li għaddiet, l-2022, kien hemm 1,800 Malti u Maltija li ġew jgħixu lura pajjiżhom. Dan imqabbel mas-780 persuna li bdew esperjenza f’pajjiż ieħor.
Il-Fact Checker tat-Times iffoka fuq għajdut fuq Facebook li f’Malta hawn aktar barranin jgħixu milli fil-fatt hawn Maltin u Għawdxin. Għajdut, li meta ġew mistħarrġin fid-dettal, instab li huma biss foloz u mxerrdin minn paġni li llum huma magħrufin għall-fake news.
Dawn l-għajdut, li jħobb jirkeb fuqhom Bernard Grech, reġa’ rrepetihom li fl-intervista tiegħu tal-Ħadd fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista.
Qal, “Tant hu hekk li llum għandek 70% taż-żgħażagħ qed jgħidulna li rridu nitilqu minn pajjiżna, għax mhux jaraw futur f’pajjiżna.”
Apparti l-Fact Checker tat-Times, ċifri uffiċjali tal-Eurostat ukoll imeru dawn id-dikjarazzjonijiet qarrieqa ta’ Grech.
Fil-fatt iċ-ċifri mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea jgħidu kif bejn l-2008 u l-2013 emigraw iżjed milli ġew lura medja ta’ 304 ċittadin Malti fl-età ta’ bejn il-15 u l-24 sena. Fl-istess perjodu ġew lura 232 minnhom, jiġifieri ammont minnhom kienu jibqgħu jgħixu barra.
L-ogħla ammont ta’ emigrazzjoni fost iż-żgħażagħ Maltin kienet seħħet proprju għaxar snin ilu meta kien hemm 472 żagħżugħ u żagħżugħa li emigraw, waqt li ġew lura 286, differenza ta’ 186 li baqgħu barra.
Dan kien wieħed mir-riżultati negattivi ta’ dik il-leġiżlatura meqjusa bħala waħda mill-agħar, jekk mhux l-agħar, fl-istorja ta’ Malta.
Bil-maqlub, l-istatistika uffiċjali turi li mill-2014 ’il quddiem kien hemm iżjed żgħażagħ li ġew lura minn dawk li telqu barra l-pajjiż. Sal-2020 kienu emigraw medja ta’ 163 żagħżugħ jew żagħżugħa minn pajjiżna, waqt li medja ta’ 233 irritornaw Malta.
Minn aktar minn 470 fl-2013, l-ammont ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin li emigraw minn pajjiżna naqas għal 120 fl-2020.
Dan ifisser li mhux biss kien hemm tnaqqis drastiku fl-għadd ta’ żgħażagħ li kienu qed jemigraw, iżda wara l-2013 aktar żgħażagħ bdew jirritornaw milli jitilqu.
Dan ifisser li l-emigrazzjoni fost żgħażagħ ċittadini ta’ pajjiżna bħala medja tul amministrazzjoni Laburista kienet kważi nofs dik li kien hemm taħt l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista.
Minbarra hekk, il-Ħadd il-Kap Nazzjonalista kien ukoll skorrett fuq ċifri oħrajn, meta sostna li, fi żmien l-aħħar Gvern Nazzjonalista, iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin kienu jlestu l-vjaġġ edukattiv tagħhom u jsibu xogħol jistennihom.
Madankollu, jekk wieħed jagħti titwila lejn l-istatistika uffiċjali tal-Eurostat f’Ġunju tal-2012, fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista, ir-rata ta’ żgħażagħ mingħajr impjieg kienet tlaħħaq għal 15.4% f’Awwissu tal-2012.
Din iċ-ċifra hi kważi d-doppju tar-rata ta’ bħalissa li hi ta’ ftit aktar minn 8%.
Anke jekk dawn iċ-ċifri ma jista’ jmerihom ħadd, Bernard Grech fl-aħħar intervista tiegħu qal hekk.
Stqarr, “Dawn għamlu kors, daħlu jistudjaw żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Ħarġu mill-Università, ħarġu mill-MCAST u sabu x-xogħol jistennihom. Dak huwa Gvern Nazzjonalista.”
Għal darb’oħra l-fatti jġibu fix-xejn il-kampanja ripetuta ta’ qerq mill-Partit Nazzjonalista u l-kelliema tiegħu.