Ftit jiem biss il-bogħod mill-vot tal-Kunsilliera biex jikkonfermawh Kap Nazzjonalista, Bernard Grech kompla bl-isforzi tiegħu jostor il-ġlied u l-intriċċi fil-Partit Nazzjonalista filwaqt li jagħlaq ħalq dawk li jikkritikawh.
Dan ħareġ ċar waqt intervista li kellu l-Ħadd filgħodu fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista.
Qal, “Fil-ħidma tagħna, fl-imġieba tagħna, fid-diskors tagħna, privat imma anke pubbliku, irridu naraw l-ewwel ħaġa li ma nagħmlux ħsara lill-Partit.”
Fl-intervista li kellu, huwa ħareġ ukoll b’appell biex in-nies fil-Partit Nazzjonalista jibżgħu għal xulxin.
Dikjarazzjoni li ħafna atribbwixxewha miegħu nnifsu hekk kif qed jappella biex quddiem il-vot tal-Kunsilliera, ma ssirlux iktar ħsara miż-żewġ fazzjonijiet differenti li baqgħu jiddominaw lill-Partit Nazzjonalista.
Qal, “Ejjew niprattikaw politika fejn naħdmu flimkien, nibżgħu għal xulxin fi ħdan il-Partit.”
Hawn il-Kap kompla fejn ħalla f’artiklu fil-paġna ta’ wara tal-Mument.
Fih, filwaqt li appella għall-vot tal-Kunsilliera, Bernard Grech sostna li se jkun qed jirristruttura l-Partit Nazzjonalista biex ikollu strutturi li “jiżguraw id-dixxiplina u l-imġieba tal-membri kollha tal-Partit.”
Din id-dikjarazzjoni li tkompli tindika kif Bernard Grech u t-tmexxija tiegħu se tkompli taħdem biex tagħlaq ħalq dawk kollha li jikkritikawh, tmur id f’id mal-kumment tiegħu l-Ħadd li għadda fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista.
Qal, “Inti ma jistax jkollok intenzjoni tajba li tmur fil-pubbliku u tattakka u tipprova tkisser lill-Partit meta inti taf li għandek strutturi fil-Partit li għandna nużawhom biex intejbu dawk l-affarijiet li ma jkunux sejrin tajjeb.”
Intant Bernard Grech kompla bil-kampanja tiegħu li jkompli jpinġi kollox ileqq u sabiħ fil-Partit Nazzjonalista.
Qal, “Il-Partit Nazzjonalista dejjem mexa b’mod korrett.”
Huwa baqa’ ma refa’ xejn mir-responsabbiltà għat-telfa tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni ġenerali u minflok sostna li qarreb lill-Partit Nazzjonalista lejn in-nies.
Dan minkejja l-akbar telfa ta’ partit politiku fl-istorja ta’ Malta sovrana.
Qal, “Irnexxielna nqarrbu l-Partit lejn in-nies.”