“Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista reġa’ staħba mill-ġurnalisti u minflok ta biss kumment fuq sit tal-aħbarijiet biex jiddefendi l-aġir ta’ Jason Azzopardi li għamel snin ma jiddikjarax it-taxxa.”.Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista kompla jgħid li filwaqt li ċ-ċittadini onesti jħallsu t-taxxa ta’ kull sena, Jason Azzopardi għażel li jsib skuża banali biex ma jagħmilx dan. Bernard Grech din l-iskuża għamilha tiegħu u insulta lill-eluf ta’ ħaddiema li minkejja li għaddew minn separazzjoni, l-obbligu tat-taxxa tagħhom dejjem onorawh.
Però Jason Azzopardi huwa mimli arja għaliex il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ma jistax jieħu passi kontrih wara li fl-aħħar snin għamel proprju bħalu u ma ħallasx it-taxxa, saħaq il-Partit Laburista.
Huwa ċar kristall li kap li ma jħallasx it-taxxa mhux qiegħed f’pożizzjoni li jieħu passi kontra deputati li jagħmlu bħalu, sostna l-Partit Laburista.
“Bernard Grech, li jew ma jidhirx biex iwieġeb jew jistaħba fil-lift, m’għandu ebda awtorità morali jitkellem fuq korrettezza u etika fil-politika. Fuq kollox ma jistax jieħu passi kontra min irrikattah sa mill-ewwel ġurnata fil-kariga”, temm jgħid il-Partit Laburista.