Waqt intervista li saritlu nhar il-Ġimgħa bħala parti mill-konferenza dwar L-istat tan-Nazzjon, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, tkellem fuq il-konkos ħażin tal-isptar Mater Dei – minkejja li t-temi fuq l-aġenda kienu totalment differenti.
U għalkemm deher li pprova jattakka lill-Gvern, nies qrib l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħadu kliemu bħala battuta ċara għaż-żiemel tagħhom.
Fil-fatt, sostnew sorsi fid-Dar Ċentrali, ill-klikka ta’ Delia xejn ma ħadu gost biha.
Fl-aħħar ġimgħat ġie żvelat li Skanska, il-kumpanija fil-kontroversja tal-bini ta’ Mater Dei, kellha lil Adrian Delia fost in-nies li kienu jitkellmu għaliha.
Dan kien żvelat f’dibattitu parlamentari, bir-reazzjoni ta’ Delia fl-istess dibattitu tkun waħda mill-iktar agressiva.
Issa, f’konferenza li ma kellha x’taqsam xejn mas-suġġett, Bernard Grech qal li gvern Laburista ma ħa l-ebda passi fuq il-konkons ħażin f’Mater Dei.
Bernard Grech: “Fuq Mater Dei sal-lum għadu ħadd ma tressaq fuq dak li suppost kien konkos ħażin.”
Iżda Bernard Grech jaf li l-passi ttieħdu u li l-konklużjoni tagħhom kienet li ma setgħux jimxu l-proċeduri legali għax il-gvern ta’ Lawrence Gonzi kien ta waiver lill-kumpanija Skanska.
Waiver tfisser li l-ebda gvern ma seta’ jfittixhom għal dak li għamlu ħażin.
Dak iż-żmien li kisbu l-waiver, Skanska kellhom li Delia jirrappreżentahom.
Sal-lum għadu mhux magħruf kemm tħallas Delia tax-xogħol li għamel f’dan ir-rigward, għax irrifjuta li jgħid.
Hekk kif l-istatura ta’ Delia fil-Partit Nazzjonalista reġgħet ħadet ftit tar-ruħ wara l-attakki tal-aħħar snin, Bernard Grech mhux jitlef okkażjoni biex ifakkar min hu l-Kap ta’ qablu.