Bil-għan li jirbaħ l-voti tan-nies leali lejn l-viċi kapijiet Robert Arrigo u David Agius, Bernard Grech qed jgħid li jekk jirbaħ it-tellieqa għall-Kap, iż-żewġ Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista, ser iżommu l-karigi tagħhom sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Kelliem għal Bernard Grech mar jagħti din l-istorja lill-gazzetta The Times, wara li nhar il-Ħamis f’intervista fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li jekk ikun fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista, irid li mara tokkupa l-kariga ta’ Viċi Kap.
Grech qal: “Jekk ikun hemm Kap raġel fil-futur ikun hemm Deputat Kap mara.”
Iżda mat-Times il-Kelliem ta’ Bernard Grech qal li lest li jħalli lil Robert Arrigo u lil David Agius f’posthom sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Anki jekk irid mara bħala Viċi Kap, Grech ser ikollu deċiżjoni iebsa quddiemu hekk kif l-istatut mibdul tal-Partit Nazzjonalista ser jippermetti biss li jkun hemm Viċi Kap wieħed biss.
Is-sorsi ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali qalulna li ż-żewġ persuni msemmiha għal din il-kariga huma Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia.
Żewġ persuni li esprimew ix-xewqa tagħhom sabiex itellqu għat-tellieqa tal-Kap madankollu li trażżnu milli joħorġu minn Louis Galea nnifsu.
Is-sorsi tagħna komplew jgħidulna kif din id-deċiżjoni jaf twassal għal aktar ġlied fil-Partit Nazzjonalista hekk kif hemm xniegħat li Louis Galea u Bernard Grech wegħduhom karigi għoljin fil-Partit sabiex ma jitfgħux isimhom għat-tellieqa tal-Kap.
Qalulna wkoll li din id-dikjarazzjoni ta’ Grech tixhed l-immaturità politika tiegħu hekk kif bi kliemu stess issa ġie f’pożizzjoni li ser ikollu jaħraq persuna ewlenija mir-ribelli li qed jappoġjawh.