Il-Kap Nazzjonalista llejla gideb li l-Gvern irid lura l-flus tal-wage supplement.
F’ċaħda kategorika, il-Partit Laburista sostna li dak li qal Bernard Grech hija gidba mill-bidu tal-aħħar.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista tant hu politikament iddisprat li issa qed jirrikorri għall-gideb mingħajr ebda limitu.
Anke jekk jaf li mhu se jemmnu ħadd
Il-Partit Laburista nnota kif il-Gvern investa iktar minn €700 miljun fin-negozji.
Mhux talli dawk il-flus se jibqgħu kollha għand in-negozji, iżda jekk jingħata l-fiduċja, il-Partit Laburista għandu sensiela ta’ inċentivi ġodda biex in-negozji jikbru.
“Il-gidba tal-lejla kienet ir-reazzjoni fjakka ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista li belgħulu proposta ta’ qtugħ ta’ taxxa li biex negozju jikkwalifika għaliha jrid joħroġ iktar milli jdaħħal”, sostna l-Partit Laburista.
Din kienet ir-reazzjoni fjakka ta’ Kap tal-Oppożizzjoni li quddiem ir-rappreżentanti tan-negozju deher li ma jafx fejn qiegħed u ftit li xejn kien jaf dwar xiex qed jitkellem.
“In-negozji jafu sew min kien u se jibqa’ magħhom. In-negozji jafu sew min hu kompetenti biex imexxi l-pajjiż”, temm jgħid il-Partit Laburista.