Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech deher evidentement urtat għal min fil-Partit Nazzjonalista beda jsemmi u jikkunsidra kandidati oħrajn minfloku għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
F’intervista mas-Sunday Times, Grech għadda sinjal ċar lil Roberta Metsola, li ma tistax tiġi teħodlu postu f’nofs leġiżlatura. Il-Kap Nazzjonalista kien ċar u qalilha: “Jekk trid oħroġ issa.”
Grech saħaq li l-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista hija issa u mhux xi sentejn oħra, u li min irid joħroġlu għan-nofs għandu jaqbad u jagħmilha issa.
Qal, “Issa huwa ċ-ċans li wieħed jiġi għall-elezzjoni ta’ Kap. Issa hemm elezzjoni ta’ Kap, u min irid verament illi jmexxi dan il-partit u jaħseb li verament jista’ jmexxi lil dan il-partit aħjar, nistiednu jew nistedinha li jiġi u jersaq għal din l-elezzjoni ta’ Kap.”
Imkejjen fid-Dar Ċentrali qalulna li, b’din id-dikjarazzjoni, Grech irid jibża’ għal postu u jikkonsolidah għal leġislatura sħiħa filwaqt li ċanfar u wissa lin-nies li bdew jimbuttaw persuni oħrajn.
Fost dawn kien hemm il-Viċi Kap Robert Arrigo, li filwaqt li qal li se jerfa’ parti mir-responsabilità tat-telfa, anki jekk ma kien involut f’xejn fil-kampanja, huwa kien pront kiteb biex Metsola tiġi tgħin lill-Partit Nazzjonalista.
Fil-Kunsill Ġenerali tal-Ħadd, Bernard Grech għamilha ċara li l-Partit Nazzjonalista għandu jibqa’ bih fit-tmun.
Fi kliemu, Grech waħħal f’kulħadd minbarra fih innifsu għat-telfa fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Talab ukoll biex, f’dik li mistennija tkun tellieqa waħdu, jikseb il-fiduċja tal-Kunsilliera, li se jkunu huma biss li jivvutaw.
Dan għax, kif saħaq hu stess, il-Partit Nazzjonalista huwa diġà maqsum biżżejjed.
L-aħħar darba li Kap Nazzjonalista tellaq waħdu f’elezzjoni għall-ogħla kariga fil-Partit Nazzjonalista kien meta għamel dan Lawrence Gonzi fl-2012, fl-eqqel tal-ġlied u inkwiet intern li Gonzi kellu ma’ Franco Debono.