Grazzi tax-xogħol tagħkom.
Il-Prim Ministru Robert Abela kellu messaġġ ta’ ringrazzjament lill-Pulizija u membri ta’ entitajiet oħra li qed jagħtu s-servizz tagħhom fl-isfida tal-imxija tal-Coronavirus.
Il-Prim Ministru, flimkien mal-Ministru għall-intern, sigurtà nazzjonali u l-infurzar tal-liġi ta tislima xierqa lill-membri tal-forzi tal-ordni waqt żjara spontanja li għamel fil-kumpless tal-RIU f’Ta’ Kandja.
Hemmhekk kien hemm preżenti l-Pulizija u membri ta’ entitajiet oħra li kienu qegħdin jingħataw aġġornament mit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija dwar ix-xogħol involut fl-infurzar tal-avviżi legali ġodda biex tkun issalvagwardjata s-saħħa pubblika.
Bħalissa Pulizija tad-distrett, membri tal-RIU, pulizija mis-sezzjoni tat-traffiku, membri mill-ALE, it-tim tal-Community Policing, il-kavallerija u s-sezzjoni tal-klieb, membri tal-Protezzjoni Ċivili u uffiċjali mid-Dipartiment tas-Saħħa qed iwettqu l-ispezzjonijiet tal-kwarantina obbligatorja u jaraw li l-pubbliku qed isegwi l-miżuri mħabbra.
Waqt iż-żjara tal-Prim Ministru, l-Aġent Kummissarju Carmelo Magri spjega kif, bl-imxija tal-Coronavirus, il-Korp tal-Pulizija qed jaffaċċja waħda mill-ikbar sfidi f’deċenji filwaqt li l-Kap Eżekuttiv tal-Korp Angelo Gafa spjega l-pjan ta’ kontinġenza li għandha l-Pulizija.