B’referenza għall-inċident li seħħ f’Casa San Paolo f’San Pawl il-Baħar, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana rringrazzjat il-ħidma kbira li saret, biex l-inċident li fih dar għall-anzjani inħakmet minn nirien, ma kellux konsegwenzi serji.
Is-Segretarju Parlamentari irringrazzjat lit-tmexxija u l-istaff ta’ Casa San Paolo, lill-Korp tal-Pulizija, lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, lill-Forzi Armati, lit-team mediku, lir-Red Cross, lill-Kappillan Fr Antoine Apap u l-komunità parrokkjali, kif ukoll lill-voluntieri kollha, sidien tal-ħwienet, ġirien u dawk kollha li taw l-assistenza tagħhom f’dan l-inċident.
L-inkjestali qed issir skont il-liġi tistabbilixxi l-fatti biex eventwalment, fid-dawl tar-riżultanzi, ikunu jistgħu jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa.
Fuq il-post kien hemm il-Ministru Michael Farrugia, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana, is-Segretarju Permanenti Mark Musù, kif ukoll d-Direttur Patrick Vella, u uffiċjali oħra mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva uKura fil-Komunità.
L-istqarrija maħruġa mis-Segretarjat spjegat li saret ħidma koordinata biex ikun żgurat li l-anzjani residenti f’din id-dar privata jiġu rilokati immedjatament u bl-iktar mod sigur wara l-evakwazzjoni meħtieġa. Fil-fatt, għajr għal ftit residenti ta’ sular wieħed, l-anzjani kollha rritornaw fid-dar ftit sigħat wara.
“Il-kooperazzjoni ta’ kulħadd kienet ferm apprezzata u tkompli tgħin biex l-anzjani kollha ma jdumux ma jerġgħu lura f’darhom u biex l-impjegati jkomplu bil-ħidma tagħhom fl-iqsar żmien possibbli.”