“Xenarju ta’ sħab imdawwal b’raġġ mix-xemx kapaċi jagħmel l-isbaħ ritratt, l-istess il-vjaġġ tal-ħajja, li qawwa tal-imħabba t’Alla ddawwal mumenti ta’ sfidi. “
Dan kien kliem Fr Louis Mallia waqt l-omelija fl-aħħar tislima lill-fotografu uffiċjali tal-Gvern, Kevin Abela, is-Sibt filgħodu.
Fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ Preca fis-Swatar, Fr Mallia, quddiem folla ta’ qraba u ħbieb li nġabru sabiex isellmu lil Kevin, ddeskrivih bħala artist, li l-passjoni tiegħu kienet li jagħraf is-sabiħ li kien ikollu quddiem il-kamera u joħolqu f’ritratt; u bħalma kien jagħmel fil-professjoni tiegħu, l-istess kien jagħmel f’ħajtu.
Qal li bħalissa l-ebda kelma ma tfarraġ l-uġigħ tal-firda, iżda fakkar kif il-ħajja hija għotja sabiħa u l-mewt huwa l-pajsaġġ għall-ħajja ta’ dejjem.
Waqt il-quddiesa spikka wkoll it-talb tal-fidili li qara iben Kevin.
Huwa talab lil missieru biex iħares lilu u lill-familtu mill-Ġenna filwaqt li rringrazzjah għall-memorji li ħalla warajh. F’dan il-mument, fil-Knisja, ma kienx hemm għajn li ma mtlietx bid-dmugħ.
Għall-quddiesa tal-aħħar tislima, attendew il-kollegi ta’ Kevin; kemm dawk li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Informazzjoni kif ukoll min-numru ta’ kmamar tal-aħbarijiet li lkoll jiftakru lil Kevin bit-tbissima li tispikka, b’karattru umli waqt xi konferenza tal-aħbarijiet.
Kollegi li ħadmu fl-istess uffiċċju ma’ Kevin, b’għajnejhom miksura fid-dmugħ, qalu kemm kien raġel fuq l-irġiel u li n-nuqqas tiegħu qed jinħass ferm.
Ilkoll iddiskrevew lill-kollega u fuq kollox ħabib tagħhom bħala ġentlom.