Il-ħajja ta’ Leonard Camilleri nħasdet nhar is-sitta u għoxrin ta’ Novembru meta żewġ splużjonijiet heżżu l-kumpless tan-nar ta’ San Ġużepp f’Ħal Kirkop.
Tmien ġimgħat wara proprju fil-wieħed u għoxrin ta’ Jannar, Leonard, magħruf aħjar mal-Koppin bħala Nardu, ingħata l-aħħar tislima fil-Knisja Parrokjali ta’ San Leonardu.
Dilettant kbir tal-logħob tan-nar, Nardu saħansitra kien involut f’inċident fl-istess kamra tan-nar fl-elfejn u tnax fejn sofra xi ġrieħi f’idejh.
Ħdax-il sena wara d-destin ta’ Nardu kien wieħed aktar kiefer tant li minnu rriżulta biss dmugħ u dieqa.
Intlaqa’ fi knisja mimlija sa ruħ ommha b’nies imbikkma u b’ċapċipa minn dawk kollha li kienu jafuh.
Kull kantuniera tal-knisja kienet miksija bin-nies, xhieda ta’ raġel twajjeb u maħbub mill-proxxmu.
Waqt l-Omelija, il-Kappillan tal-Parroċċa Martin Cardona stqarr li matul ħajtu Nardu kien imżejjen b’diversi rigali fosthom dawj tat-tama u l-imħabba li kienu jiddu fl-għemejjel u l-għaqal tiegħu.
Cardona qal li d-dawl ifeġġ fuq bniedem il-bniedem ġust li jgħix bl-imħabba.
Bħalma ntlaqa’ fil-knisja, ħareġ. B’applaws kbir minn dawk kollha preżenti. Fi tmiem il-quddies, barra l-għatba tal-knisja, kien hemm is-soċjetà mużikali ta’ San Ġużepp li wasslet lil Nardu għall-ħajja ta’ dejjem b’korteo funebri.
Nardu ttieħed għall-aħħar darba lejn il-Każin tal-Banda fejn imdendel wieħed seta’ jinnota kartellun bil-kliem ‘Grazzi Nard!’
Quddiem il-każin, it-tebut ta’ Nardu Camilleri mtela’ bil-ward abjad.
Flimkien mal-mużika tal-banda, wieħed seta’ jisma’ numru ta’ murtali. Bħallikieku anki dawn il-murtali bdew isellmu l-memorja ta’ Nardu li tant iddedika ħin u mħabba għalihom.