Il-gwerra fl-Ukrajna għadha ma spiċċatx.
Hekk fakkarna d-Deputat Ministru għall-Politika Soċjali tal-Ukrajna, Kostiantyn Koshelenko, li ltqajna miegħu fl-Iżvezja fejn bħalissa qed issir konferenza Ewropea li qed tiddiskuti l-futur tas-settur soċjali, b’enfasi fuq l-irwol tat-teknoloġija.
F’intervista esklussiva ma’ ONE News, Koshelenko spjega l-ħidma li saret minn mindu bdiet il-gwerra fl-Ukrajna fis-setturi tal-iżvilupp diġitali u l-kura soċjali, bil-għan li l-familji milquta jiġu megħjuna bl-aħjar mod u bir-riżorsi kollha possibbli.
Kellimna fuq il-pjattaforma eDopomoga, maħsuba biex tgħin lill-familji Ukreni fi bżonn ta’ riżorsi bħall-ikel u l-mediċini. Qal li, sa issa, nies minn erbgħa u ħamsin pajjiż għenu permezz ta’ din il-pjattaforma.
Spjegalna li, min jixtieq jgħin, jista’ jidħol fuq din il-pjattaforma u jagħti d-donazzjoni lill-familja li jixtieq, f’liema reġjun jixtieq. Min ikun ta donazzjoni jiġi notifikat meta u fuq xiex ikunu ntefqu l-flus.
Qal, “You find by filters in the platform, people from any social category, for example big families who are vulnerable with disability, in some region, like Zaporizhzhia, and after that find this family and donate and your money comes to people – like certificate on the smartphone – and this family goes to this store and buys food and medicine, and you have a report after that.”
Huwa fakkar li l-gwerra għadha ma spiċċatx, u rringrazzja lill-poplu Malti tas-solidarjetà kollha li wera sa mill-ewwel jum tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna.
Qal, “War is not over and I need to say thank you to people from Malta to support us, who support Ukrainians, who are in Malta now, through supporting Ukrainians in Ukraine, because we have a huge enemy and only with your support we have the ability to stop them and make victory and make future of Europe peaceful again.”