Folla kbira ta’ Xlukkajri nġabret quddiem il-Knisja f’Marsaxlokk biex tilqa’ lill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat. Mal-merħba dwiet il-kelma “Grazzi” minn fomm dawk li laqgħuh f’lokalità li għal snin twal kienet vittma tal-aktar żejt li jniġġeż.
Kien għalhekk, li x-Xlukkajri miġbura rringrazzjaw lill-Prim Ministru hekk kif Gvern Laburista ħadem biex intefa’ l-impjant tal-powerstation li kien jaħdem bil-Heavy Fuel Oil, jiġifieri l-impjant li kien jaħdem bl-aktar żejt li jniġġeż, biex illum qed jopera bil-gass.
Dan ifisser li issa n-nies tan-nofsinhar, speċjalment dawk ta’ Marsaxlokk grazzi għall-ħidma tal-Gvern Laburista llum huma u uliedhom qed igawdu minn arja aktar nadifa, u dawn il-lokalitajiet ingħataw nifs ġdid.
Il-Prim Ministru rringrazzja lil dawk preżenti li nġabru biex jagħtuh merħba mill-isbaħ. Kellu ukoll appell għal dawk preżenti biex jgħinuh iwassal il-messaġġ ta’ rieda tajba u jħeġġu aktar nies biex jivvottaw għaliex quddiemhom għandhom l-għażla jew li jiefqu nofs triq jew li jkomplu.
Joseph Muscat għamel referenza ukoll għall-proposti li ħabbar il-Partit Laburista llum għal persuni b’diżabilità fejn għamel referenza għad-diferenza bejn Joseph Muscat u l-koalizzjoni ta’ konfużjoni. Bil-Prim Ministru jagħmel referenza għal kif kellha titħassar biċċa minn dibattitu minħabba Marlene Farrugia.
Fil-lokalità magħrufa għas-sajjieda, l-Mexxej Laburista tkellem ukoll dwar is-sajd u s-sikkatura żejda li qed jesperjenzaw is-sajjieda minħabba r-regoli tal-Unjoni Ewropea. Dwar hekk, il-Mexxej Laburista tenna li minkejja li l-Partit ma jistax iwiegħed “l-ilma jiżfen” fejn tista’ tingħata għajnuna lil sajjieda ġenwini se tkun qed tingħata għax “lis-sajjied ma rridux neħdolu iżda ntuh.”