Fil-messaġġ ta’ żmien il-festi, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca indirizzat għadd ta’ problemi fis-soċjetà.
Il-President Coleiro Preca qalet li f’pajjiżna għand hawn nuqqas ta’ għarfien dwar is-saħħa mentali u semmiet kif tfajla li għandha d-dipressjoni qaltilha li jgħidulha biex idderri u ma jkollha xejn.
Il-President qalet li ħadmet u qed tkompli taħdem ma’ diversi għaqdiet soċjali f’dan il-qasam soċjali.
“Ma’ Richmond Foundation u ma’ Mental Health Association Gozo ħdimt u nkompli naħdem biex ikollna aktar servizzi fil-komunità għax tassew nemmen li dak huwa l-akbar bżonn li għandna f’dan il-qasam.”
Qalet ukoll li fis-soċjetà hawn diversi każi ta’ bullying speċjalment bejn it-tfal u fuq il-midja soċjali.
“Kważi t-tfal kollha kellmuni fuq il-bullying. Tifla qaltli li għajruha bil-kanċer fuq Facebook. Ma ridtx nemmen għax dan mhux kliem tat-tfal. Dan kliem li wħud minna nużaw fuq il-midja soċjali.”
Il-President Coleiro Preca qalet li fis-sena li ġejja għandha ssir kampanja kontra kontra s-swat fuq it-tfal. Flimkien ma’ dan rabtet ir-realtà tal-vjolenza domestika.
“Proprju fil-jum tal-Milied hawn nisa u rġiel jgħixuh imwerwra li se jerġgħu jaqilgħu xebgħa bl-addoċċ mill-partner tagħhom. F’jum l-ewwel tas-sena ġdida hemm mara li ma tiflaħx aktar għat-tgħajjir ta’ żewġha li jkissirha kull darba li tħossha tajba biha nfisha. Meta ħafna minna nkantaw O Lejl ta’ Skiet f’dawn il-jiem, irridu nagħmlu riżoluzzjoni biex ma nibqgħux siekta quddiem it-tbatija.”
Il-President tkellmet ukoll li għandu jkun hawn għaqda kontra l-faqar.
“Ħadd ma jagħżel li f’dawn il-jiem ma jkollux biex jixtri rigal ċkejken lil bintu. Ħadd ma jagħżel il-faqar iżda l-faqar jagħżel lilu jew lilha. U allura ejja għas-sena l-ġdida ma nibqgħux niġġudikaw u nwaħħlu fil-fqar għax huma fqar. Aktarx nagħmlu hekk biex inserrħu l-kuxjenza tagħna. Ningħaqdu kontra l-faqar.”
Fl-aħħar messaġġ tagħha tal-Milied bħala President ta’ Malta, il-President Marie Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-poplu Malti u Għawdxi li tul dawn l-aħħar ħames snin taha sapport kontinwu.
“Grazzi kbira lilkom li meta ġejt fosthom ftaħtu qalbkom miegħi. Grazzi għaliex mingħandkom tgħallimt u fhimt aħjar il-ħafna sabiħ li għadna bħala poplu. Kemm aħna poplu sabiħ meta ningħaqdu u aħna aktar sbieħ meta ningħaqdu biex ngħinu lil dawk fit-tbatija, fil-bżonn.”
Dwar l-Istrina, il-President Coleiro Preca rringrazzjat lil diversi tfal li l-Maltin urew solidarjetà magħhom, u lill-ġenituri ta’ dawn l-ulied li xorta baqgħu jgħinu f’kampanji ta’ solidarjetà.
Il-President Marie Louise Coleiro Preca spiċċat il-messaġġ tagħha bl-awguri tagħha, hekk:
“Jiena u żewġi Edgar u l-familji tagħna nawguralkom Milied mimli mħabba u sena mimlija saħħa.”