Skont l-aħħar statistika mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, fi Frar li għadda l-kejl tal-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut niżel għal 2.3%. Dan hu tnaqqis ta’ kważi punt perċentwali, meta mqabbel ma’ xahar qabel, f’Jannar.
Stqarrija mill-Ministeru għall-Ekonomija sostniet kif din l-istatistika tikkonferma kemm kienet neċessarja u kemm diġà ħalliet effett sostanzjali l-miżura li ddaħħlet mill-Gvern mill-bidu tal-istess xahar, imsejħa ‘Stabbiltà’.
Din l-inizjattiva tinkludi fiha aktar minn erba’ mitt prodott bi prezz stabbli, fi ħmistax-il kategorija tal-ikel, wara ftehim bejn il-Gvern mal-importaturi u ma’ tal-ħwienet.
Intqal kif id-differenza bejn Jannar u Frar kienet akbar mid-differenza bejn il-ħames xhur ta’ qabel magħdudin flimkien.
Il-Ministeru għall-Ekonomija nnota wkoll kif bejn Jannar u Frar, l-inflazzjoni fir-rigward tal-prezz tal-ikel, naqset b’1.2%. B’dan hu indikazzjoni ċara kemm l-inizjattiva ‘Stabbiltà’ kienet strumentali f’dan it-tnaqqis.
Ġie spjegat kif, minn Settembru, waqt li l-inflazzjoni fl-Ewropa bdiet nieżla, f’pajjiżna ma naqsitx u saħansitra kompliet tiżdied. B’hekk il-Gvern, permezz tal-Ministeru tal-Ekonomija beda ezerċizzju biex jiġu identifikati dawk il-prodotti li l-prezz tagħhom beda jvarja. B’dan wassal għat-tielet patt soċjali fi ftit snin.
Intqal ukoll kif minn dejta miġbura mill-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, fost l-aktar prodotti tal-ikel li raw tnaqqis fl-inflazzjoni kien hemm evidenti diversi prodotti f’din l-inizjattiva, fosthom il-kafè, il-marġerina, it-tonn taż-żejt u l-ħaxix iffrizat.
Il-Ministeru nnota wkoll kif din l-inizjattiva ħalliet impatt anke fuq prodotti oħrajn tal-ikel li mhumiex fl-inzjattiva.
Intqal kif l-aġenzija ta’ kreditu Fitch Ratings qalet li din l-inizjattiva wasslet għal kompetizzjoni bejn prodotti tal-ikel oħrajn u għalhekk mistennija tkompli twassal għal aktar roħs fil-prezzijiet.
Din l-istqarrija temmet tgħid li, bħala Gvern, jibqa’ kommess biex jgħinu lill-familji jtaffu mill-piż tal-inflazzjoni tal-aħħar snin minħabba l-isfidi internazzjonali bla preċedent. Hawnhekk fost oħrajn issemma s-sussidju fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels.