Minn meta daħal fis-seħħ il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, sal-aħħar ta’ Ottubru li għadda, saru 169-il għotja lill-għaqdiet filantropiċi jew organizazzjonijiet mhux governattivi Maltin, b’total globali ta’ €1,438,100.
Dawn huma għotjiet li saru minn min investa fil-programm u kiseb ċittadinanza Maltija. Ħabbar dan il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt programm fuq l-istazzjon nazzjonali.
Qal ukoll li l-programm iġġenera total ta €331,275,500, li minnhom €128,517,150 marru fil-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali.
Fil-Parlament ftit tal-jiem ilu, il-Ministru qal li mill-bidu tal-programm ta’ ċittadinanza b’investiment sa Settembru li għadda, pajjiżna daħħal €310,300,500 mill-istess programm.
Apparti dawn, l-ekonomija Maltija gawdiet minn €44 miljun f’xiri ta’ propjetà u €24 miljun f’kiri ta’ propjetà, riżultat tal-IIP.