Fil-Partit Nazzjonalista għadha qed tirrenja l-firda.
Din id-darba dwar l-għażla ta’ Graziella Galea biex tieħu post David Thake bħala Deputat Nazzjonalista.
Dan ikkonfermatu hi stess f’diskors li għamlet il-Ħadd filgħodu fejn ikkonfermat li kien hemm min ma qabilx ma’ din id-deċiżjoni tal-Kap Bernard Grech.
Deċiżjoni li madankollu kellhom ibaxxu rashom għaliha wħud li wkoll kellhom interess li jieħdu s-siġġu ta’ Thake.
“Nirringrazzja lil kull min aċċetta il-proposta tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech anke jekk forsi personalment ma qabilx ma din id-deċiżjoni. Nifhem li ma kinitx deċiżjoni faċli speċjalment jekk tkun fl-istess tellieqa.”
Fost l-iktar diżappuntati kien hemm Ivan Bartolo li wara li kien ċeda postu fil-Parlament lill-Kap Bernard Grech issa tħalla barra biex floku daħlet Graziella Galea.
Sors mill-imkejjen tad-Dar Ċentrali spjegalna kif dan is-siġġu kellu jingħata lura lil Ivan Bartolo.
“Dan hu l-Partit Nazzjonalista llum. L-ewwel jagħsruk u jużawk imbagħad jarmuk. Hekk għamlulu lil Ivan Bartolo.”
Mat-Times Ivan Bartolo wkoll ammetta li huwa diżappuntat bid-deċiżjoni li ttieħdet mit-tmexxija tal-Partit.
Iżda din id-deċiżjoni ma ddiżappuntatx lil Ivan Bartolo biss. Ma’ Bartolo, tħalla l-art ukoll l-Avukat Joe Giglio.
Il-gazzetta KullĦadd kienet żvelat kif dan sar fuq ordni tal-hekk imsejħa Blue Heroes biex jiġu protetti l-interessi elettorali ta’ Jason Azzopardi u Karol Aquilina hekk kif Joe Giglio jikkandida ruħu fuq id-distretti ta’ dawn iż-żewġ bastjuni tal-establishment Nazzjonalista.
Is-sorsi tal-gazzetta KullĦadd, fil-fatt kienu spjegaw kif Bernard Grech kien għal kollox eżiljat minn din id-deċiżjoni biex ikun żgurat li Giglio ma jingħatax siġġu parlamentari
Dan hekk kif lil Jason Azzopardi u Karol Aquilina ma niżlitilhomx tajjeb mill-bidu, il-kandidatura ta’ Giglio u għalhekk din id-darba kienu ċari kristall mal-Kap u n-nies ta’ madwaru.
Dik li mhux biss ma kellhiex tgħaddi minn moħħhom li jipproponu lil Giglio, iżda lanqas kellu jkun hemm iċ-ċans li din tiġi diskussa.
Il-KullĦadd kienet irrappurtat ukoll kif l-għaqda Repubblika kienet kontra li Giglio jsir parti mill-Grupp Parlamentari.
Dan hekk kif il-President tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina iddefenda lil ħuh, Karol Aquilina.