Fil-ġurnal MaltaToday, il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Graziella Galea ħarġet tikkritika l-fatt li l-bini mill-privat għadu għaddej f’San Pawl il-Baħar, waqt li residenzi qed jiżdiedulhom is-sulari fuqhom, avolja dawn skont il-permessi neċessarji. Fi kliemha stess dan qed iħalli impatt negattiv fuq is-sistemi infrastrutturali.
Minkejja dan, l-eks Sindku ta’ San Pawl il-Baħar reġgħet għaxxqitha ladarba mhux biss ma semmietux hi, iżda hu pubblikament magħruf li hemm proposta għal żvilupp li qed imexxi missierha, f’isem żewġ klijenti tiegħu, fil-konfini tal-istess lokalità, li agħar mill-każi li semmiet hi din tinsab f’żona fejn ma jistax ikun hemm żvilupp, jiġifieri f’ODZ.
Dan anke jekk il-każ ta’ missierha ġie żvelat ġimgħa ilu mill-gazzetta KullĦadd, waqt li Graziella kienet għaddejja wkoll tikkritika proposta fuq art fil-Manikata, li hi proprjetà tal-Gvern.
U meta l-Awtorità tal-Artijiet tat il-garanzija tagħha li dik l-art ma setgħetx tiġi żviluppata, minħabba li l-Gvern ma kellu l-ebda intenzjoni li jibdel l-iskop għaliha, Galea baqgħet biss tixħet id-dubji tagħha billi fuq Facebook iddikjarat li “nisperaw, nistennew u naraw”.
Il-KullĦadd kienet ġustament iddeskriviet il-każ tal-missier u l-bint bħala “jiskruplaw kif u fejn jaqblilhom”.
Issa l-Ħadd li għadda, fil-MaltaToday, Graziella Galea reġgħet fetħitilha din id-darba fuq żvilupp skont il-permessi u l-iskuża tagħha din id-darba kienet li, skontha, dan qed joħloq pressjoni fuq l-infrastruttura tal-lokal.
Għal darb’oħra, hawn ma kellha xejn xi tgħid għall-proposta ta’ żvilupp fuq art verġni fl-istess lokalità, li qed jimbotta missierha. L-applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar bil-firma ta’ Ċensu Galea titlob għall-bini ta’ żewġ vilel bil-pools minflok għelieqi, li tħallew fi stat ta’ abbandun, avolja għandhom daħla li hi indokrata tajjeb ħafna.
Din hija t-tip ta’ ipokrezija tad-Deputata Nazzjonalista u missierha li spiss isibu xi jmaqdru fil-Gvern b’rabta ma’ applikazzjonijiet li xi drabi jkunu tressqu mill-privat, waqt li l-awtoritajiet, li huma awtonomi, ma jkunux għadhom lanqas biss iddeċidew dwarhom.
Ċensu Galea kien ukoll fil-Kabinett tal-Gvern ta’ Lawrence Gonzi meta twessgħet l-art għal-iżvilupp fl-2006, fl-akbar skandlu ambjentali li qatt seħħ fil-pajjiż.
Min-naħa l-oħra, Graziella Galea, li bħala Sindku ta’ San Pawl il-Baħar kienet instabet ħatja mill-Bord ta’ Governanza Lokali bi ksur tar-regolamenti finanzjarji u l-proċeduri stabbiliti f’kuntratt tat-tindif fejn kien involut ukoll qarib tagħha, issa qed tiddikjara li waħda mill-akbar problemi fil-lokalità hi l-immaniġġjar sura tal-iskart mill-awtoritajiet.