Id-Deputata Nazzjonalista Graziella Galea ma wieġbet l-ebda mistoqsija b’rabta ma’ applikazzjoni, li fl-aħħar ġimgħat daħħal missierha quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar, biex f’żona ODZ jinbnew żewġ vilel bil-pools fil-Bidnija, fil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar.
Dan meta ġiet iffaċċjata b’mistoqsijiet minn ONE News barra l-Parlament it-Tnejn filgħaxija.
Is-silenzju u l-iskumdità ta’ Graziella Galea quddiem dawn il-mistoqsijiet jikkuntrasta bil-kbir mal-fatt li l-istess Galea spiss tattakka lill-Gvern b’rabta ma’ applikazzjonijiet, li xi drabi anke jkunu tressqu mill-privat u li l-awtoritajiet, li huma awtonomi, ma jkunux għadhom iddeċidew dwarhom jew saħansitra indikaw ċar li ma jistgħux jitwettqu.
Iżda din id-darba, b’rabta ma’ applikazzjoni fejn hemm involut missierha, il-Perit u eks Deputat Nazzjonalista sal-2017 Ċensu Galea, is-silenzju kien konvenjenti għal Graziella Galea.
L-iżvilupp li Ċensu Galea qiegħed japplika dwaru jinsab proprju f’żona barra mill-iżvilupp biswit raba’ maħduma u mdawra b’ħitan tas-sejjieħ puliti lesti biex ikunu żviluppati f’qasir żmien.
L-applikazzjoni, li kienet suġġetta għar-rappreżentazzjonijiet sat-22 ta’ Settembru, kif tixhed in-notifika mwaħħla mal-ħajt tad-daħla tas-sit titlob permess għall-iżvilupp ta’ żewġ villel semi-detached, bil-basement, pool u ġonna għal kull waħda.
Is-silenzju dwar din il-materja minn Graziella Galea tkompli tikkonferma l-politika tad-double standards fil-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt, dan anke kienet ikkonfermatu l-gazzetta KullĦadd meta ddeskriviet dan il-każ tal-missier u l-bint bħala wieħed fejn “jiskruplaw kif u fejn jaqblilhom.”
Ironikament Ċensu Galea kien ukoll membru fil-Kabinett tal-Gvern ta’ Lawrence Gonzi meta fl-2006 twessgħet l-art għal-iżvilupp, fl-akbar skandlu ambjentali li qatt seħħ fil-pajjiż u r-riżultati tiegħu għadhom jinħassu sal-lum.