Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea baqgħet fommha sieket fid-dawl ta’ applikazzjoni daħħal missierha, il-Perit u eks Deputat Nazzjonalista sal-2017 Ċensu Galea.
Dan hekk kif missierha issottometta applikazzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar, f’isem klijenti tiegħu, biex f’żona ODZ jinbnew żewġ vilel bil-pools fil-Bidnija, limiti ta’ San Pawl il-Baħar.
Ħabbret dan il-gazzetta KullĦadd fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd, fejn innotat li l-istess persuni li jagħtu l-impressjoni li huma protetturi tal-ambjent, jiskurplaw biss fejn jaqblilhom dwar din il-materja. Fil-fatt, id-Deputat Nazzjonalista attwali ta’ spiss tattakka lill-Gvern b’rabta ma’ applikazzjonijiet li xi drabi anki jkunu mressqa mill-privat u li l-awtoritajiet li huma awtonomi ma jkunux għadhom iddeċidew dwarhom.
Madanakollu, Galea ma għażlitx li tagħmel l-istess fil-konfront ta’ dawn l-applikazzjonijiet li missierha għandu interess dirett fihom.
Il-KullĦadd fakkret ukoll kif missierha kien wieħed minn dawk li lura fl-2006 ma ddejjaqx jestendi l-iskema tal-iżvilupp.
L-iżvilupp li l-Perit Galea qiegħed japplika dwaru jinsab propju f’żona barra mill-iżvilupp biswit raba’ maħduma u mdawwra b’ħitan tas-sejjieħ puliti lesti biex ikunu żviluppati f’qasir żmien.
L-applikazzjoni soġġetta għar-rappreżentazzjonijiet sat-22 ta’ Settembru, kif tixhed in-notifika mwaħħla mal-ħajt tad-daħla tas-sit qed titlob permess għall-iżvilupp ta’ żewġ villel semi-detached, bil-basement, pool u ġonna għal kull waħda.
Lil hinn minn dawn l-applikazzjonijiet, li dwarhom it-tnejn baqgħu siekta, Ċensu Galea ikkumenta f’post pubblika mtella’ mid-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea dwar applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar rigward art fil-Manikata. Applikazzjoni li dwarha l-Awtoritajiet kienu diġà għamluha ċara li din ma kienitx se tintlaqa’.
Minkejja dan, il-KullĦadd stqarret li Galea baqgħet għaddejja bil-kampanja ta’ xettiċiżmu tagħha u li magħha kompla missierha Ċensu Galea li saħansitra silet parti minn artiklu tat-Times li nnota d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Artijiet.
Galea minn naħa tiegħu meta kien għadu fil-Parlament kien wera interess dwar il-ħarsien tar-raba’ agrikolu, tgħid il-gazzetta KullĦadd, liema nteress illum jidher li jurih meta jaqbel lilu biss.
Il-KullĦadd fakkret ukoll kif qabel saret Deputat Nazzjonalista, Graziella Galea kienet Sindku ta’ San Pawl il-Baħar sakemm kellha taffaċċja mozzjoni ta’ sfiduċja mill-kunsilliera stess b’rabta ma’ każ fejn hi instabet ħatja li kisret ir-regolamenti u l-proċeduri għall-gvernijiet lokali.