Waqt l-inawgurazzjoni ta’ grawnd ġdid tal-futbol tal-ogħla livell għall-Qala Saints, b’investiment ta’ aktar minn €400,000, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, saħaq fuq l-impenn tal-Gvern li jkompli jwettaq il-wegħdi elettorali tiegħu għall-qasam tal-isports u dan anke f’Għawdex stess.
Il-Ministru fakkar li l-investimenti f’dan il-qasam fl-aħħar snin kienu bla preċedent, inkluż fit-titjib tal-faċilitajiet.
Is-Sindku tal-Qala, Paul Buttigieg, saħaq li din il-faċilità l-ġdida se tkun għodda importanti għat-tim tal-Qala Saints u għat-tfal u adoloxxenti li jattendu u jitħarrġu man-nursery tagħha.
Filwaqt li radd ħajr lill-entitajiet kollha li ġibdu ħabel wieħed biex dan il-proġett jitwettaq, il-President tal-Qala Saints, Noel Mizzi, qal li l-ħolma tagħhom issa saret realtà.
Il-Ministru Camilleri qal li dan il-proġett se jwassal biex it-tfal tal-Qala jkunu jistgħu jitħarrġu b’mod sigur u f’ambjent sabiħ, filwaqt li l-Qala Saints, bħal timijiet oħrajn f’Għawdex, issa għandhom post denju fejn joperaw u faċilità addattata għaż-żminijiet tal-lum.
Qal, “Albert Mizzi Stadium hu li inawgurajna llum, grawnd li kien tant mistenni mill-komunità tal-Qala u anke wkoll mill-irħula tal-madwar. Qed iservi bħala l-football ground mhux biss għall-plejers tal-Qala Saints, iżda għal diversi tfal u żgħażagħ, li llum għandhom standards tal-ogħla livell u jistgħu jilagħbu u jipprogressaw ’il quddiem b’dawn il-faċilitajiet u jkompli jgħaqqad ma’ diversi faċilitajiet tal-ogħla livell, jekk verament nemmnu fl-isports u ż-żgħażagħ tagħna.”
Filwaqt li awgura kull suċċess lit-tim tal-Qala Saints, il-Ministru Camilleri rringrazzja lill-Ministru responsabbli għall-edukazzjoni u l-isports, Clifton Grima, tal-għajnuna biex il-proġett seta’ jitwettaq.