Fil-qalba tal-lokalità ta’ Bormla, ġie inawgurat il-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Grwand Peppi Delceppo.
Il-Grawnd Peppi Del Ceppo huwa spazju rikreattiv li jikkonsisti minn grawnd tal-futbol 5 a-side u bandli għal tfal ta’ etajiet differenti. Il-proġett kien jinkludi xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni u tisbiħ madwar l-ispazju kollu, inkluż pavimentar ġdid u tħawwil ta’ siġar u pjanti. Ġie installat tagħmir ġdid tal-bandli u rubber-flooring għal aktar sigurtà, u twaħħlet sistema ta’ dawl ġdida. Il-grawnd tal-futbol ġie miksi b’turf ġdid.
Dan l-ispazju rikreattiv sar b’investiment ta’ madwar €365,000 permezz ta’ skema finanzjajra għal Proġetti Kapitali mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u minn fondi addizzjonali tal-Kunsill Lokali.
Palumbo Malta Shipyard kienu wkoll kontributuri favur dan il-proġett, bħala parti mill-impenn tagħhom sabiex jagħtu lura lil-lokalità ta’ Bormla.
Waqt li rringrazzja lid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali għall-finanzjament sabiex seta’ jsir xogħol ta’ riġenerazzjoni f’dan l-ispazju miftuħ, is-Sindku ta’ Bormla Marco Agius appella lir-residenti Bormliżi sabiex jagħmlu użu tajjeb minn dan l-ispazju.
“Illum il-Kunsill Lokali Bormla ta lit-tfal u n-nies ta’ Bormla dan il-grawnd u l-ispazju miftuħ biex ikunu jistgħu jużawh kemm it-tfal u kemm il-ġenituri.” – Marco Agius
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li dan l-investiment ser jgħin fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti tal-Kottonera għaliex huwa spazju miftuħ li ser joffri lok għall-eżerċizzju fiżiku, lis-sport u kif ukoll spazju għar-rikreazzjoni. Hija spjegat li dan il-proġett ser ikompli jikkumplimenta proġetti oħra ta’ riġenerazzjoni mwettqa mill-Gvern f’din iż-żona, fosthom il-pixxina fil-Kottonera Sports Complex, ir-restawr fuq is-swar tal-Kottonera u l-ħolqien tal-Park ta’ San Klemen
“Il-Kunsill Lokali ta’ Bormla għamel użu minn skema ta’ fondi addizzjonali għall-proġetti kapitali sabiex illum Bormla għandha dan l-ispazju miftuħ u ta’ rikrijazzjoni għat-tfal u għall-familji kollha. Il-Gvern huma kommess li se jkompli jgħin lill-kunsilli Lokali sabiex iwettaq proġetti mill-isbaħ bħal dawn fil-qalba tal-komunitajiet tagħna.” – Alison Zerafa Civelli