Fis-sigħat bikrin tal-lum, Ingliż ta’ 58 sena u Ingliża ta’ 55 sena ġew aggrediti meta kienu fi triqithom lejn l-appartament tagħhom fix-Xagħra Għawdex.
Il-każ ġara fi Triq Bullara għall-ħabta tal-erbgħa ta’ filgħodu.
Sorsi qalulna li persuna attakkat lill-koppja b’ġebla bil-ħsieb li tisraqhom, filwaqt li beda jsabbat ras il-mara ta’ 55 ma’ karozza li kienet ipparkjata fl-istess triq.
Il-pulizija kkonfermaw ma’ ONE News li l-aggressur ħarab minn fuq il-post u li minn fuq il-mara nsterqet ġojjelerija tad-deheb.
Fuq il-post immedjatament issejħet ambulanza li ħadet lill-mara l-isptar li ftit wara ġie ċċertifikat li qed issofri minn ġrieħi serji.
Il-Pulizija bdew jevalwaw xi filmati minn kameras tas-sigurta minn residenzi tal-madwar.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat Paul Coppini.
FILMAT: CVC