“Ma nafx x’kont nagħmel mingħajrhom, għaliex kieku kienet se tkun aktar iebsa”.
Dan hu kliem Lucienne Montesin, li f’Settembru li għadda tilfet lil żewġha b’kanċer fl-għajnejn. It-tnejn kienu sabu l-appoġġ ta’ Hospice Malta, sew mil-lat ta’ kura u attività għal żewġha, u anke servizzi ta’ wens u psikoloġiċi għal Lucienne.
Lucienne qaltilna li tal-Hospice ikkuntattjawha “mal-ewwel, sakemm wasalt id-dar, lanqas ilħaqt tlajt it-taraġ. Huma mal-ewwel jikkuntattjawk, anke apparat kienu tawni. Psikoloġikament jgħinuk ħafna. Onestament ma nafx x’kont nagħmel mingħajrhom, għaliex kienet tkun ħajja ħafna aktar iebsa għalija.”
B’kollox il-koppja damet tibbenefika minn dawn is-servizzi għal ħames snin, u issa, wara li żewġha ilu nieqes minn Settembru, xorta għadha ssib wens fi kliem il-voluntiera u l-ħaddiema soċjali tal-Hospice:
“Inti tgħaddi minn trawma. Jiena kelli t-tifel qed jagħmel l-O-Levels, allura kont moħħni fir-raġel u moħħni fit-tifel. Tgħaddi minn ħafna affarijiet li ma tkunx qed tistenniehom. Li issa ħalliena, imma xorta qed jagħtuni l-appoġġ, qed tgħinni ħafna.”
Iċ-Chairperson ta’ Hospice, Bernadette Bonnici Kind, qalet li kull xahar ikun hemm mas-sittin pazjent ġdid li jitlob l-għajnuna tal-għaqda. Hi spjegat li bħalissa qed jgħinu mal-1,300 pazjent f’sena, “u jiżdiedu bejn 60 u 70 f’xahar. Huma numri tal-biża. Apparti minn hekk għandna bżonn inkabbru l-bażi tagħna għax dejjem qed jiżdiedu in-numri.”
Il-binja ta’ St. Michael’s Hospice, li għaliha f’Jum San Valentinu nġabru fondi f’maratona, se tara li fost l-oħrajn il-pazjenti b’mard terminali jibqgħu jieħdu l-kura u t-terapija f’dan il-post ma’ qrabathom. Il-Kap Eżekuttiv Kenneth Delia spjegalna li “bil-proġett tagħna nistgħu anke noffru aktar servizzi milli diġà qed nagħtu, inlaħħqu aktar pazjenti u familji kemm jista’ jkun malajr. Hekk il-pazjent ma jbatix u lanqas il-familja, u ngħinuhom kif inkunu nistgħu dejjem.”
Il-maratona ‘Bl-Imħabba Naslu’ se tintemm f’nofsilejl, u wieħed jista’ jagħti d-donazzjoni tiegħu fuq dawn in-numri.