Suq reżiljenti li għandu jimxi lejn aktar kwalità u sostenibbiltà. Dan joħroġ mill-aħħar rapport ta’ Grant Thornton u Dhalia dwar is-suq tal-proprjetà f’pajjiżna, li janalizza fid-dettal l-iżviluppi fl-aħħar għaxar snin f’dan il-qasam.
Ir-rapport jitkellem dwar it-tkabbir f’dan il-qasam hekk kif, fost l-oħrajn, innota li l-valur tat-transazzjonijiet matul is-sena li għaddiet laħħaq it-tliet biljun ewro u nofs.
Minbarra hekk, jitkellem dwar iż-żieda fl-ammont ta’ proprjetajiet fis-suq, filwaqt li jagħmel elenku ta’ sfidi, fosthom affordabbiltà fl-isfond ta’ proposti varji biex is-suq isir aktar sostenibbli.
Dwar it-triq ’il quddiem, li għandu jieħu dan is-settur, tkellem magħna George Vella minn Grant Thornton.
“Anke fil-Vision 2050, li għadha kemm ġiet imnedija, qed jidher ċar li issa wasal iż-żmien li mhux nibqgħu nikbru bl-għaxra fil-mija li konna qegħdin nikbru fil-passat, imma nipprovaw nnaqqsu għal ħamsa fil-mija biex ikollna aktar aċċenn fuq il-kwalità. Effettivament dak li r-rapport qed jgħid, li għadda ż-żmien meta kien hemm dan il-kobor bla rażan, issa hemm bżonn li wieħed jiffoka ftit iktar fuq li tikber, imma li tikber b’ċertu għaqal.”
George Vella, Partner , Grant Thornton
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, faħħar din l-inizjattiva, hekk kif stqarr li rapporti ta’ dan it-tip huma utli biex titħejja politika li tirrifletti r-realtajiet tal-ġurnata.
“Hu interessanti l-fatt li dan ir-rapport jindika li s-settur tal-proprjetà baqa’ wieħed reżiljenti u kompla jikber matul is-snin. Imma wkoll jindika numru ta’ sfidi li għandna quddiemna, inkluż l-affordabbiltà u anke l-element tas-sostenibbiltà. F’dan ir-rigward, irrid ngħid li dan ir-rapport jirrifletti l-istrateġija ta’ dan il-Gvern bi skemi li ħabbarna litteralment fl-aħħar jiem.”
Il-Ministru Jonathan Attard
Fil-fatt, fl-aħħar jiem tħabbret miżura li tinċentiva x-xiri ta’ proprjetà ambjentalment sostenibbli, minbarra miżuri intiżi għal ċirkostanzi varji, fosthom dawk li se jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom.