Kontroversja oħra fil-Parlament Ewropew li, fil-qalba tagħha, hemm il-President tal-Parlament, Roberta Metsola.
Did-darba, il-kwistjoni tirrigwarda r-rieda tat-tmexxija tal-Parlament Ewropew biex tikkonverti binja antika li l-Parlament għandu fil-belt Franċiża ta’ Strasburgu, u li bħalissa tintuża għall-uffiċini tiegħu, f’lukanda esklussiva. Il-Parlament Ewropew iwettaq il-biċċa l-kbira tal-ħidma tiegħu fi Brussell, iżda l-Membri tal-Parlament Ewropew imorru Strasburgu għal ftit jiem biss fix-xahar għas-seduta plenarja tagħhom.
Jekk il-pjan għal-lukanda jseħħ, it-tmexxija tal-Parlament ikollha ġustifikazzjoni biex tinxtara mingħand il-Gvern Franċiż binja ġdida fjamanta u li tiswa l-miljuni, ftit biss bogħod mill-binja li l-Parlament diġà għandu u li jrid jibdilha f’lukanda. Din il-binja l-ġdida li tinxtara mbagħad tintuża għall-uffiċini li jkunu se jintilfu għax ikunu se jinbidlu fi kmamar ta’ lukanda.
Il-gvern Franċiż b’insistenza jrid ibigħ il-binja ġdida lill-Parlament Ewropew, iżda l-Parlament m’għandux bżonnha. Minkejja dan, it-tmexxija tal-Parlament Ewropew qed taħdem biex jinstab mod sabiex dan ix-xiri jsir xorta waħda.
Dan l-eżerċizzju qed idarras lil bosta f’mument meta ħafna ċittadini madwar l-Unjoni Ewropea ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja u huma maħkuma minn inċertezza kbira.
F’kummentarju bit-titlu ‘Grand Hotel Metsola’, il-ġurnal Politico żvela li, f’ittra li bagħtet lill-gvern Franċiż fi Frar li għadda, Roberta Metsola qalet li tilqa’ bil-qalb l-idea tal-Franċiżi li ssir lukanda fil-binja Salvador de Madariaga, li tagħmel parti mill-binijiet li huma proprjetà tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Bħala ġustifikazzjoni, qalet li dan l-iżvilupp jista’ jgħin biex itaffi l-piż fuq is-settur tal-lukandi fi Strasburgu.
Iżda l-gurnal Politico fakkar li dan l-hekk imsejjaħ piż jeżisti biss għal ftit jiem fix-xahar, meta d-deputati Ewropej jivvjaġġaw minn Brussell lejn Strasburgu għas-seduta plenarja. Fakkar ukoll li Franza ilha tagħmel pressjoni biex il-Parlament jixtri biċċa proprjetà oħra fi Strasburgu, li ġiet identifikata bħala l-Binja Osmose, li ġiet ikkummissjonata mill-Banque des Territorires f’koperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali.
Il-Politico qal li l-korrispondenza kollha li ra u l-konverżazzjonijiet li kellu ma’ uffiċjali tal-Parlament Ewropew, jissuġġerixxu li Metsola hija ħerqana biex tagħti lill-Franċiżi dak li jridu u tara li l-Parlament Ewropew jixtri l-binja Osmose.
Il-ġurnal jgħid ukoll li se jkun diffiċli għal Metsola biex tiġġustifka din in-nefqa kbira, meta kulħadd jaf li, kif inhi s-sitwazzjon bħalissa, il-Parlament m’għandux verament bżonn ta’ iktar spazju fi Strasburgu.
Il-ġimgħa l-oħra, il-Parlament Ewropew ma waqqafx ix-xiri tal-binja Osmose mingħand il-gvern Franċiż għal xagħra. F’vot li ttieħed fis-seduta plenarja, total ta’ 274 membru parlamntari Ewropew vvutaw favur emenda biex issir oppożizzjoni kontra l-akkwist tal-binja l-ġdida Osmose fi Strasburgu. Mill-banda l-oħra, 275 deputat Ewropew ivvutaw kontra dik l-ememda, li allura għaddiet b’maġġoranza ta’ vot wieħed biss. Id-deputati Laburisti Maltin fil-Parlament Ewropew ivvutaw ilkoll favur l-emenda, sabiex ma jsirux dawn l-ispejjeż, filwaqt li d-deputat Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, ivvota biex Metsola u sħabha jkunu jistgħu jwettqu l-pjan tal-lukanda esklussiva.
Aktar kmieni din is-sena, Roberta Metsola kienet fiċ-ċentru ta’ kontroversja oħra wara li ġie żvelat ftehim sigiriet li kien jinvolvi li gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew jiġu aġevolati mit-tmexxija tal-Parlament Eweorpe b’karigi għoljin f’direttorat ġenerali li allegatament inħoloq apposta. Ġie rrappurtat li, bi tpattija, dawn il-gruppi appoġġjaw liċ-chief of staff ta’ Metsola biex isir is-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Parlament minkejja li l-kandidati l-oħra kienu evidentement aktar ikkwalifikati.
Ftit ġimgħat ilu, il-Politico qal li fost l-uffiċjali tal-Parlament Ewropew qed iddur ix-xnieha li anki l-kwistjoni tax-xiri ta’ din il-binja ġdida fi Strasburgu mingħand il-Franċiżi hija waħda mir-raġunijiet għaliex Stéphane Séjourné, il-mexxej tal-grupp politiku Renew Europe – wieħed mill-gruppi involuti fil-ftehim sigriet dwar iċ-chief of staff ta’ Metsola – appoġġja t-tpoġġija taċ-chief of staff ta’ Metsola bħala s-Segretarju Ġenerali tal-Parlament. Séjourné huwa alleat mill-viċin ħafna tal-President Franċiż, Emmanuel Macron. Jekk ix-xnieha hi minnha, allura dan ikun ifisser li issa t-tmexxija tal-Parlament trid tpatti lill-gvern Franċiż għall-favur li għamlilha fil-konfront taċ-chief of Staff ta’ Metsola.
Intant, il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D) fil-Parlament Ewropew, iddikjara li mhux se jaqta’ qalbu milli jirnexxilu jwaqqaf din il-“ġennata”. Kemm il-grupp tal-S&D kif ukoll il-Grupp tal-Ħodor qalu li m’humiex konvinti li l-Parlament Ewropew tabilħaqq għandu bżonn binja ġdida fi Strasburgu, jew li għandu jikkonverti waħda mill-biinjiet tiegħu f’lukanda sabiex tkun tista’ tinxtara binja ġdida li l-gvern Franċiż ilu jimbotta għaliha.