“Nista’ nkompli l-ġrajja li beda Ġesù fuq din l-art, nista’ ngħin, nista’ naħfer li min jonqosni, nitbissem ftit, u nħares lejn il-ħajja b’mod pożittiv.”
Din hija parti minn ‘Ġrajjitna’, li hija preżentazzjoni riflessiva li se ssir madwar il-ġonna tal-iskola Medja u Sekondarja taż-Żejtun, fi ħdan il-kulleġġ San Tumas More. L-udjenza se jkollha l-opportunità li ssegwi l-ġrajja ta’ ħafna karattri li niltaqgħu magħhom matul il-passjoni ta’ Ġesù fuq din l-art; ġrajjiet li qatt ma ntesew.
Wara l-preżentazzjoni, il-pubbliku se jkun jista jixtri ikel u bċejjeċ ta’ xogħol artiġġjanali, filwaqt li jibqa’ jgawdi l-atmosfera bis-sehem tal-banda tal-iskola, li se takkumpanja din l-attività b’marċi funebri.
Din l-attività se tiġi organizzata bis-sehem ta’ għalliema, studenti u ġenituri tal-istudenti mill-istess skola – esperjenza li fiha, flimkien, bħala komunità, mhux biss jgħinu b’mod volontarju iżda wkoll jingħaqdu bejniethom għal għan filantropiku.
Nathan Galea, li huwa għalliem fl-iskola Medja u Sekondarja taż-Żejtun u membru fit-tim organizzattiv, tkellem ma’ One News dwar l-għan tal-attività ‘Ġrajjitna’.
“L-għan ta’ din l-attività huwa li jinġabru fondi b’risq l-ALS Malta. Qed issir play, kif ukoll se ssir attività oħra fejn fl-attività jixtru affarijiet relatati mal-Ġimgħa l-Kbira u mal-Għid. Involuti f’din l-attività hemm studenti, għalliema, u ġenituri wkoll, biex l-edukazzjoni tkun waħda ħolistika.”
L-attivita’ ‘Ġrajjitna’ se ssir bejn il-5 u 6 ta’ April mis-6 ta’ filgħaxija ’l quddiem, b’rappreżentazzjoni kull siegħa. Id-dħul huwa b’għotja ta’ €2, bil-qligħ kollu jmur għal ALS Malta.