“Jiena għadni kemm ħlift li nqiegħed lili nnifsi għas-servizz tagħkom u tal-poplu kollu bħala Kap tal-Istat u bħala rappreżentant tal-għaqda u tal-unita nazzjonali.”
Kliem Sir Anthony Mamo fil-lejl ta’ tlettax ta’ Dicembru 1974. Il-jum li fih Malta saret Repubblika u għall-ewwel darba kellha kap tal-Istat Malti. L-ewwel Prim Ministru ta’ Malta Repubblika kien il-Perit Duminku Mintoff.
Il-bniedem li ħolom dwar dan għal snin twal u f’dik il-lejla, fis-sena 1974, ra l-viżjoni tiegħu titwettaq.
Is-seduta parlamentari tat-tlettax ta’ diċembru tal-1974 kienet tmexxiet mill-Ispeaker tal-kamra tad-deputati ta’ dak iż-żmien, l-ispiżjar Manuel Attard Bezzina.
Minn 55 membru fil-Parlament, 49 deputat ivvutaw favur filwaqt li kienu sitta, id-deputati tal-Partit Nazzjonalista, li vvutaw kontra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika. Fosthom il-Kap Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien Gorg Borg Olivier.
Dwar dan Sir Anthony Mamo kien qal hekk: “Meta għada pitgħada din l-istorja tinkiteb, jiena żgur li fir-rakkont tagħha tingħata importanza speċjali għall-fatt li l-parlament malti ispirat mill-Gvern irnexxielu bid-dehen, bis-sabar u bi spirtu ta’ koperazzjoni u kompromess jasal fi ftehim kwazi unanimu u b’hekk iwarrab kwistjonijiet li qabel kienu jifirduna.”
Il-Kostituzzjoni Repubblikana hija waħda mibnija fuq ix-xogħol li joħloq il-ġid tal-pajjiż.
Ġid tal-pajjiż li jiddependi wkoll fuq is-sehem li jagħti kull ċittadin. Prinċipju li jgħodd illum daqskemm kien jgħodd dakinhar.