L-atleta żagħżugħ ta’ 18-il sena Graham Pellegrini ingħata l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Ġunju. Din hija t-tmien darba li dan l-unur qed jingħata lill-atleta tat-Track and Field, b’Rachela Pace li kienet l-ewwel rebbieħa f’Jannar tal-2020.
Pellegrini li ilu jitħarreġ fl-atletika għal dawn l-aħħar erba’ snin, rebaħ żewġ midalji tad-Deheb u oħra tal-Fidda waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa 2023 (GSSE 2023). Fil-fatt huwa rebaħ midalja tad-Deheb fil-Men’s 200m u fil-Men’s 4x100m Relay, filwaqt li rebaħ il-midalja tal-Fidda fil-Men’s 400m. Matul ix-xahar ta’ Ġunju, huwa ħa sehem ukoll fil-Kampjonati Ewropej tal-Atletika li saru f’Silesia, fil-Polonja, fejn daħal fir-raba’ post fil-Men’s 400m b’ħin ta’ 47.47 sekondi. Din it-tellieqa ntrebħet mill-Albaniż Franco Burraj b’ħin ta’ 46.30 sekondi.
It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Ġunju 2023 flimkien mal-vawċer t’abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Graham Pellegrini minn Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-President Sandro Micallef u s-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.
Ritratt: Mix-xellug: Lorraine Cunningham Segretarju Ġenerali (MSJA), Sandro Micallef President (MSJA), Graham Pellegrini u Robert Micallef Chief Commercial Officer (Atlas Insurance).