F’ġurnata tilef lit-tewmin tiegħu ta’ disà xhur, lil ħuħ u lin-neputijiet tiegħu. Tilifhom quddiem għajnejh fi ftit ħin wara li spiċċaw vittmi ta’ attakk kimiku bla ebda ħtija. F’dan il-filmat jidher iżomm lil uliedu, bla ħajja.
Iżda minkejja li dan il-missier irnexxilu jsalva xorta waħda qed iħoss uġigħ, uġigħ li ma minkejja li prova ma rnexxilux jsalva l-ħajja tal-qraba tiegħu. Bħal dan il-missier, eluf oħra qed jgħaddu mill-istess trawma. Wieħed irrid jimmaġina l-mument li tkun tixtieq issalva lil uliedek fost oħrajn, iżda ma tistax.
Dan l-attakk kimiku mill-ajru wassal biex 20 tifel u tifla u 52 adult spiċċaw bla ħajja filwaqt li għexieren oħra sfaw midruba.
Ilbieraħ il-Kunsill tas-sigurta’ tan-Nazzjonijiet Magħquda għamel laqgħat ta’ emerġenza.L-attakk fil-belt miżmuma mir-ribelli ġab miegħu rabja internazzjonalment, bl-Istati Uniti u setgħat oħra jagħtu t-tort lill-gvern Sirjan għal dawn l-imwiet. Filfatt, pajjiżna ukoll kellu kliem ta’ kundanna għal dawn l-attakki.
Il-gwerra ċivili fis-Sirja ilha għaddejja għal aktar minn sitt snin mingħajr ebda soluzzjoni politika sa issa. Kwart ta’ miljun persuna tilfu ħajjithom minħabba l-ġlied, b’ħames miljun Sirjan kellhom jaħarbu mill-pajjiż, filwaqt li sitta oħra jinsabu mferrxin mal-pajjiż iżda ’l bogħod minn darhom.