Matul is-sena akkademika li għaddiet, mill-Università ta’ Malta gradwaw aktar minn tletin spiżjara, li se jkunu qed jingħaqdu mal-elf spiżjar reġistrat.
Dan intqal waqt attività fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ispiżjara, li għal din is-sena hemm it-tema, “Dejjem fdati għal saħħtek”.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Farmaċija fl-Università ta’ Malta, il-Professur Lilian Azzopardi qalet li meta mqabbel ma’ pajjiżi oħrajn, f’Malta għandna ħafna spiżjara iżda xorta hemm bżonn ta’ aktar persuni jiggradwaw bħala spiżjara biex naqdu l-ħtiġijiet li hemm bżonn.
Qalet, “F’Malta għandna l-iżjed numru ta’ spiżjara għal popolazzjoni. Pero parti negattiva mis-suċċess hija li dan mhux biżżejjed. Il-fattur huwa li l-ispiżerija f’Malta żviluppat b’mod qawwi ħafna, kemm minħabba kif naraw kif il-qasam tal-industrija, l-innovazzjoni u x-xjenza li hawn.”
Iċ-Chairman tal-Awtorità għall-Mediċini, il-Professur Anthony Serracino Inglott qal li l-iskop tal-Jum Dinji tal-Ispiżjara, li ngħata l-ħajja lura fl-elfejn u disgħa f’Istanbul, huwa li jinkoraġġixxi attivitajiet li jippromovu l-irwol tal-ispiżjar fit-titjib tas-saħħa f’kull rokna tad-dinja.
Huwa spjega li l-ispiżjara huma r-raġuni għaliex in-nies jieħdu l-aħjar mill-mediċini tagħhom, fejn jużaw l-esperjenza u l-għarfien espert tagħhom biex jagħmlu d-dinja medika, post aħjar għal kulħadd.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur Deo Debattista faħħar l-irwol importanti tal-ispiżjara. Qal li bħalissa, l-ispiżjara qegħdin jikkontribwixxu f’diversi oqsma fosthom permezz ta’ riċerka, mediċini għal mard rari u mediċini innovativi.
Qal, “Huwa dan il-qafas, flimkien mal-qafas regolatorju, fejn Malta għadha l-Awtorità tal-Mediċina, fi ħdan l-EMA, li tiggarantixxi li dak li jingħata huwa fl-aħjar interessi tal-pazjent.”