Għall-ewwel darba f’Għawdex se jsir il-Gozo Film Festival fis-sit storiku taċ-Ċittadella. Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fiċ-Ċittadella stess.
Matul it-tlett ijem li fihom se jsir il-festival, se jintwerew films f’ambjenti differenti madwar is-sit taċ-Ċittadella. Il-post ewlieni fejn se jintwerew huwa l-Bastjun ta’ San Ġwann fiċ-Ċittadella u se jintwerew fuq liżar imtella’apposta fl-apert. Barra minn hekk, se jkun hemm ukoll l-opportunità li t-tfal jitgħallmu dwar il-produzzjoni tal-films u xogħol għat-televiżjoni.
Il-Ministru Caruana rringrazzjat lill-Gozo Film Club ta’ din l-inizjattiva ġdida għall-gżira Għawdxija. Għalkemm hi niċċa ġdida, l-Ministru Caruana qalet li hija ottimista li dan l-avveniment ieħor se jsib postu fil-kalendarju kulturali annwali ta’ Għawdex. Hi sostniet li avvenimenti innovattivi bħal dawn ikomplu jagħmlu lil Għawdex destinazzjoni turistika differenti u li toffri prodott aktar attraenti mill-kompetituri diretti tagħna.
“Fuq kollox dan l-avveniment se joffri pjattaforma għall-produzzjoni lokali u anki jista’ jwassal biex Għawdex ikun sit magħżul għall-produzzjonijiet iktar impenjattivi u importanti. L-industrija ċinematografika hija waħda ta’ valur għoli u miżjud u Għawdex għandu potenzjal enormi f’dan ir-rigward,” qalet il-Ministru Justyne Caruana. Hija rringrazzjat lill-Malta Film Commission tal-appoġġ għal din l-inizjattiva u ħeġġet għal iktar kollaborazzjoni b’risq produzzjonijiet internazzjonali f’ Għawdex stess.
Il-Gozo Film Festival se jsir bejn il-Ġimgħa 25 u l-Ħadd 27 t’Awwissu u se jkun mifrux f’postijiet differenti madwar iċ-Ċittadella. B’kollox se jintwerew tnejn u tletin film qasir (short movies), disa’ produzzjonijet minnprodutturi Maltin u Għawdxin kif ukoll tliet films u żewġ dokumentarji. Il-produzzjonijiet kollha għandhom b’xi mod jew ieħor konnessjoni ma’ Għawdex.
L-avveniment se jsir bla ħlas tul it-tlett ijiem kollha u l-pubbliku mħeġġeġ li jattendi.
Ritratt: MGOZ